Lokali

“Xejn mhu se jwaqqafni milli nkompli niġġieled il-korruzzjoni f’pajjiżna u nikxef kif l-istituzzjonijiet jinsabu maħkuma mill-Gvern” – Adrian Delia

“L-ebda gideb, spin jew intimidazzjonijiet fil-konfront tiegħi mhi se twaqqafni milli ngħid il-verità kollha dwar il-korruzzjoni f’Kastilja u l-mod kif il-Gvern ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna”, hekk sosnta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien jindirizza attività politika fil-Mellieħa bit-tema Futur għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li talab li issir investigazzjoni wara li bagħat dokumenti lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn il-firma tiegħu ġiet iffalsifikata. Huwa talab li ssir din l-investigazzjoni b’urġenza sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx rabta bejn dawn id-dokumenti bil-firem foloz u allegazzjonijiet li jeżisti rapport tal-FIAU li jikkonċernah, u li qed isiru rapporti dwaru fil-midja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-istess ġranet meta l-Gvern kellu jwettaq ir-riformi li l-Oppożizzjoni kienet ilha x-xhur tgħid li jeħtieġ għat-tisħiħ tad-demokrazija u li l-Kummissjoni Venezja wkoll qaltlu li jrid jimplimenta, fosthom it-tneħħija tal-irwol doppju tal-Avukat Ġenerali, The Times of Malta rċeviet allegazzjonijiet li skont il-gazzetta jinstabu f’rapport tal-FIAU. Huwa qal li m’għandux minn xhix jibża għaliex huwa dejjem mexa mal-liġi u b’mod mill-aktar korrett fil-ħidma tiegħu bħala avukat.

Adrian Delia qal li din mhix l-ewwel darba li saru allegazzjonijiet kontrih meta l-Gvern jispiċċa dahru mal-ħajt bil-każijiet ta’ korruzzjoni. Hekk kif il-Kap tal-Oppożizzjoni ma waqafx jiġġieled il-korruzzjoni, minn Kastilja jivvintaw li jistgħu sabiex jippruvaw isikktuh minflok tinġarr ir-responsabbilità għall-korruzzjoni u jittieħdu d-deċiżjonijiet biex terġa’ tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Huwa qal li dan kollu hija konferma ċara li xi ħadd ma jridx li hu jitkellem dwar il-mod kif l-istituzzjonijiet inħatfu mill-Gvern.

Huwa sostna li l-istatistika uriet li Malta kien l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn naqsu l-pagi u s-salarji. Dan huwa r-riżultat tal-politika tal-Gvern li jrid ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan, li qed iżżid il-pressjoni l-isfel fuq il-pagi u ċ-cheap labour qed jgħolli rasu. L-istatistika Ewropea uriet ukoll li x-xahar li għadda, pajjiżna kellu l-iktar rata għolja ta’ inflazzjoni mill-2017, b’żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti essenzjali.

Adrian Delia qal li dan kollu qed iwassal biex il-ħaddiema Maltin jispiċċaw f’morsa doppja dik taċ-cheap labour bil-pagi li jonqsu, u ż-żieda qawwija fl-ispejjeż bil-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali dejjem jogħlew. Huwa qal li din hija morsa li l-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwar u li qed tolqot ħażin ukoll l-aktar persuni vulnerabbli fosthom l-anzjani u l-pensjonanti u dawk li għandhom dħul baxx. Din hija morsa li qed twassal lill-anzjani biex ikollhom jagħżlu bejn l-ikel jew il-mediċini.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li rapport tal-Kummissjoni Ewropea stess jikkundanna n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern, u jikkritika n-nuqqas ta’ ħeġġa f’bosta setturi fosthom il-pensjonijiet, li ftit li xejn kienu effettivi u li ma sar xejn konkret biex min jirtira jkollu pensjoni garantita. Dan meta pensjonant minn kull ħamsa qed jgħix fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar, is-soluzzjoni tal-Gvern Laburista għal dawn il-pensjonanti li qegħdin ibatu hija li jmorru jiddejnu fuq djarhom, li imbagħad iħallsuh uliedhom. Dan huwa Gvern li tilef il-boxxla soċjali.

Huwa qal li hawn bżonn ta’ pjan fit-tul għal pajjiżna biex il-poplu jkun jaf fejn sejjer il-pajjiż u x’ħiliet hemm bżonn għall-ekonomija ta’ għada. Dan meta r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jgħid li s-sostenibbiltà tal-finanzi tal-Gvern tinsab f’riskju u s-surplus li jiftaħar bih il-Gvern jaf jispiċċa fix-xejn. Il-Kummissjoni tikkritika n-nuqqas ta’ ħeġġa fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, in-nuqqasijiet kbar fis-sistema edukattiva u jgħid li l-politika tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija billi jżid il-popolazzjoni qed tpoġġi stress qawwi fuq setturi oħra bħall-ambjent u l-infrastruttura.

Adrian Delia temm li f’Mejju li ġej in-nies għandhom ċans iwasslu messaġġ ċar lill-Gvern biex ibiddel ir-rotta u min se joqgħod id-dar u ma jivvotax jew se jivvota lil Partit Laburista se jkun qed jibgħat messaġġ li kuntent bil-korruzzjoni, bil-pagi baxxi, biż-żieda fil-popolazzjoni bla pjan, bil-problemi fl-edukazzjoni, u li kuntent bit-tkissir tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.