Internazzjonali

L-ISIS xorta jibqgħu theddida minkejja d-disfatta fis-Sirja

L-Istati Uniti u pajjiżi oħra tal-Lvant Nofsani laqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar li t-terroristi tal-ISIS tilfu l-aħħar fortizza tagħhom fis-Sirja wara jiem ta’ ġlied – b’din id-disfatta tfisser ukoll l-aħħar tal-‘kalifat’ li tal-ISIS kienu ħabbru ħames snin ilu wara numru ta’ suċċessi militari f’dan il-pajjiż u fl-Iraq.

Madankollu – u waqt li l-ġellieda anti-ISIS mal-Qawwiet Demokratiċi Sirjani (SDF) kqed itellgħu l-bandieri tagħhom fit-territorju ta’ Baghouz — il-President Amerikan, Donald Trump u l-analisti tal-Lvant Nosfani jaqblu li l-ISIS xorta għadhom ta’ theddida bħala entità terroristika.

Fil-fatt, Trump qal li d-dinja se tibqa’ ‘attenta u lesta għal azzjoni’ sakemm it-telfa tal-ISIS tkun waħda finali u konklussiva fuq livell internazzjonali.

Minkejja li tilfu l-artijiet li kienu qed jikkontrollaw fl-Iraq u s-Sirja, l-ISIS xorta għadhom attivi f’numru ta’ pajjiżi – mill-Filippini san-Niġerja.

Fl-aqwa tiegħu (fl-2014) l-ISIS kien qed jikkontrolla madwar 88,000 kilometru kwadru ta’ territorju Iraqi u Sirjan. Iżda wara ħames snin ta’ battalji mal-qawwiet Sirjani u l-potenzi msieħba f’koalizzjoni militari, it-terroristi, fl-aħħar ġimgħat, kienu spiċċaw bi ftit mijiet ta’ kilometri kwadri f’Baghouz, qrib il-fruntiera Sirjana mal-Iraq.

Dan sakemm, fi tmiem il-ġimgħa, ingħatat l-aħbar li ‘l-aħħar territorju tal-ISIS kien okkupat mill-qawwiet tal-SDF’, li hu mmexxi mill-Kurdi.

Madankollu, il-Mexxejja tal-Punent mal-ewwel ħarġu bit-twissija li l-ISIS għadu periklu għas-soċjetà ċivili, bil-Prim Ministru Franċiż. Emmanuel Macron, ikun fost l-ewwel li stqarr li ‘il-ġlieda kontra l-gruppi terroristiċi teħtieġ tkompli’.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, kienet fost dawk li laqgħu b’ferħ it-tmiem tal-preżenza militari tal-ISIS fis-Sirja bħala ‘tragward storiku’ iżda hi għamlitha ċara li l-Gvern tagħha jibqa’ impenjat ‘biex jelimina l-ideoloġija velenuża u qerrieda tal-ISIS’.

Fl-istess ħin, Donald Trump – filwaqt li ħeġġeġ għall-kawtela – fisser it-telf tat-territorju għall-ISIS bħala ‘provi tal-ftaħir falz tat-terroristi tul is-snin’ u meta ‘l-ISIS tilef kull poter u prestiġju’. Trump appella ‘liż-żgħażagħ kollha li jużaw l-Internet biex  ma jibilgħux il-lixka tal-ISIS’ u biex — minflok isegwu l-ideoloġija tat-terroristi – ‘jaħsbu biex jgħixu ħajja pożittiva u produttiva’.

L-ISIS, sa ftit snin ilu, kien qed jimponi stil ta’ amministrazzjoni brutali fuq kważi tmien miljun persuna filwaqt li juża t-territorji li kien qed jikkontrolla fl-Iraq u s-Sirja bħala bażi minfejn seta’ imexxi attakki terroristiċi aktar ‘il hinn mir-reġjun.

Il-waqgħa ta’ Baghouz, intant, tibqa’ mument sinifikattiv fil-kampanja militari kontra l-ISIS wara li l-grupp terroristiku kien sofra disfatta kbira simili fl-Iraq, fl-2017.

Madankollu, ħadd ma jista’ jgħid li l-ISIS huma megħlubin għal kollox, bl-Istati Uniti temmen li l-grupp terroristiku jista’ għandu bejn 15,000 u 20,000 ġellieda attivi f’diversi zoni tal-Lvant Nofsani.