Futbol Sport

Festa Franċiża fi Stade de France b’rebħa fuq l-Iżlanda

(Ritratt: EPA)
Rebħa kbira oħra għat-tim Ingliż u Cristiano Ronaldo jweġġa’

Franza u l-Ingilterra komplew jibnu fuq ir-rebħiet tal-Ġimgħa b’żewġ rebħiet oħra kbar li bihom jinsabu fil-quċċata tal-klassifika rispettivi. Iċ-champions tad-dinja Franza kkonfermat il-qawwa tagħha b’wirja mill-aqwa fi Stade de France b’rebħa ta’ 4-0 kontra l-Iżlanda.

SAMUEL UMTITI fetaħ l-iskor fil-11-il minuta b’daqqa ta’ ras wara li rċieva kross mix-xellug. It-tim ta’ Didier Deschamps kompla jiddomina l-logħba iżda sabha diffiċli jinfed id-difiża kompatta tal-Iżlanda, sakemm OLIVIER GIROUD irdoppja l-iskor fit-68 minuta meta ħa vantaġġ minn ħarġa ħażin ta’ Hannes Halldorsson u kompla għal ġewwa mill-viċin wara kross ta’ Benjamin Pavard.

Franza għalqet il-logħba fit-78 minuta b’Antoine Griezmann jgħadda vertikalment lejn KYLIAN MBAPPE li b’opportuniżmu għeleb lill-gowlkiper Iżlandiż b’xutt fil-baxx. ANTOINE GRIEZMANN issiġilla r-rebħa fl-84 minuta wara li rċieva b’intelliġenza mingħand Mbappe.

L-Ingilterra rkuprat minn ħasda kmieni biex rebħet 5-1 kontra l-Montenegro barra minn darha. MARKO VESOVIC fetaħ l-iskor fit-18-il minuta b’azzjoni personali u ftit fortunata li biha għeleb lil Jordan Pickford b’xutt għar-rokna.

It-tim ta’ Gareth Southgate ġab id-draw man-nofs siegħa logħob, bid-difensur MICHAEL KEANE jogħla tajjeb wara free-kick mil-lemin ta’ Ross Barkley. L-Ingilterra marret fil-vantaġġ fid-39 minuta b’xutt ta’ Callum Hudson-Odoi li kien imxellef minn ROSS BARKLEY li skorja mill-viċin.

L-istess ROSS BARKLEY għamel l-iskor 3-1 fid-59 minuta b’xutt minn qagħda ideali f’nofs il-kaxxa, biex HARRY KANE skorja r-raba’ gowl fil-71 minuta wara li rċieva tajjeb mingħand Raheem Sterling. Kien għad fadal ħin għal gowl ieħor li wasal għaxar minuti wara b’Jordan Henderson isib lil RAHEEM STERLING li ma żbaljax minn pożizzjoni favorevoli.

Wara d-draw kontra l-Ukrajna, wasal draw ieħor għaċ-champions Ewropej il-Portugall, din id-darba bi draw ta’ 1-1 kontra s-Serbja. Kienu s-Serbi li marru fil-vantaġġ wara seba’ minuti permezz ta’ penalty ta’ DUSAN TADIC wara li Mijat Gacinovic twaqqa’ minn Rui Patricio.

Daqqa ta’ ħarta għat-tim Portugiż man-nofs siegħa logħob meta Cristiano Ronaldo kellu jinbidel wara li weġġa’. Iżda l-Portugiżi ġabu d-draw fit-42 minuta b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ DANILO PEREIRA.

Mill-istess grupp, l-Ukrajna tħabtet biex rebħet 2-1 kontra l-Lussemburgu li kienu marru fil-vantaġġ fl-34 minuta minn DAVID TURPEL li skorja mill-viċin.

L-Ukrajna ġabet id-draw fl-40 minuta permezz ta’ VIKTOR TSIGANKOV li skorja fil-baxx minn angolu ftit magħluq. It-tim ta’ Shevchenko kiseb il-gowl tar-rebħa bl-aħħar azzjoni tal-logħba b’awto-gowl ta’ Gerson Fernandez.

Il-Kosovo fetħet l-impenji tagħha fi Grupp A bi draw ta’ 1-1 kontra l-Bulgarija. VASIL BOZHIKOV poġġa lill-Bulgarija fil-vantaġġ fid-39 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner mix-xellug, iżda ARBER ZENELI ġab id-draw fil-61 minuta b’xutt preċiż minn barra l-kaxxa.

It-Turkija kisbet it-tieni rebħa fi Grupp H wara li ftit sabet diffikultà biex rebħet 4-0 kontra l-Moldova. HASAN ALI KALDIRIM fetaħ l-iskor wara 24 minuta b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni ċentrali biex CENK TOSUN irdoppja żewġ minuti wara meta kompla għal ġewwa kross tajjeb mix-xellug.

It-Torok fallew penalty fit-53 minuta iżda mill-korner sussegwenti CENK TOSUN skorja t-tielet gowl b’daqqa ta’ ras u KAAN AYHAN għamilhom 4-0 fis-70 minuta b’daqqa ta’ ras b’saħħitha wara kross mix-xellug.

Mill-istess grupp, l-Albanija kif mistenni rebħet kontra l-Andorra bl-iskor ta’ 3-0. ARMANDO SADIKU fetaħ l-iskor fil-21 minuta iżda kellhom jistennew sat-tmiem biex għalqu l-logħba hekk kif kellu jkun BEKIM BALAJ li rdoppja fis-87 minuta. AMIR ABRASHI skorja t-tielet gowl fid-90 minuta.

Riżultati

Grupp A – Kosovo v Bulgarija 1-1, Montenegro v Ingilterra 1-5

Grupp B – Portugall v Serbja 1-1, Lussemburgu v Ukrajna 1-2

Grupp H – Turkija v Moldova 4-0, Andorra v Albanija 0-3, Franza v Iżlanda 4-0