Lokali Parlament

Hemm bżonn ta’ pjan fuq dak li se jiġri mir-Renju Unit

Hemm bżonn ta’ pjan sura għal dak li Malta se tħoss dwar dak li se tgħaddi minnu meta tkun xi tkun l-għażla tar-Renju Unit, vis-à-vis l-Unjoni Ewropea, tkunx Brexit bla ftehim, Brexit bi ftehim, referendum ieħor u adirittura elezzjoni ġenerali fl-Ingilterra.

Dan ħareġ minn diversi kelliema minn naħa tal-Partit Nazzjonalista li tkellmu fuq il-punti li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat fuq Brexit. Id-Deputat David Stellini qal li jinsab sorpriż kif il-membri fil-House of Commons qegħdin jgħidu aktar x’ma jridux milli xi jridu huma għal pajjiżhom.

Tenna li Malta għandna tkun ippreparata l-aktar f’kaċ ta’ “no deal”. Tkellem ukoll id-Deputat Carmelo Mifsud Bonnici li qal li l-Oppożizzjoni ilha titkellem dwar “No Deal Brexit” fejn tenna li hu u Stellini kemm il-darba qalu li lesti li jgħinu f’dan ix-xenarju. Huwa staqsa jekk hemmx pjan jew le fuq dak li jista’ jiġri u anke fil-konfront tat-tluq tar-Renju Unit, jekk Malta hux se tiggwadanja is-seba’ siġġu.

Tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone li qal li hemm ix-xenarju ta’ elezzjoni bikrija fir-Renju Unit u staqsa jekk il-Gvern jistax iserraħ ras il-pazjenti Maltin li jmorru għal kura fl-Ingilterra, jekk dawn humiex se jibqgħu bl-istess drittijiet tal-lum. Anke staqsa għal fuq l-istess binarju dwar l-istudenti Maltin li jistudaw l-Ingilterra.

Anthony Bezzina staqsa wkoll jekk hux se jkun hemm problema jew għandhomx bżonn visa għal Maltin li jkunu jridu jagħmlu aktar minn sitt xhur f’dan il-pajjiż. Tkellmet ukoll Kirsty Debono dwar ir-rapport li ħareġ fejn qalet li ħafna stake-holders mhumiex kuntenti b’dak li ħareġ dalgħodu, hija talbet lill-Gvern biex jieħu l-affarijiet aktar bis-serjeta’.