Internazzjonali

IL-FTEHIM GĦALL-BREXIT: May mgħandhiex biżżejjed appoġġ għal vot…. għalissa

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May iddikjarat fil-Parlament li hi ‘ma kellhiex biżżejjed appoġġ’ biex tirbaħ vot dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. May stqarret li se tkompli tipprova tirbaħ il-maġġoranza fil-jiem li ġejjin qabel tressaq it-tielet vot dwar il-Brexit fil-House of Commons ta’ Londra.

Il-Prim Ministru anki kienet qed taħseb biex toħroġ direttivi lid-deputati Konservattivi bil-għan li huma jivvutaw kontra tentattiv minn grupp ta’ deputati biex jidħlu għal sensiela ta’ voti dwar ‘miżuri alternattivi’ rigward il-pjan tagħha għall-Brexit. Filwaqt li mistenni li l-Gvern se jagħti ż-żmien lil dawn id-deputati biex jidħlu għall-voti inkwistjoni, Theresa May sostniet li hi tinsab ‘xettika’ dwar il-proċess.

Theresa May spjegat li l-Gvern mhux se jimpena ruħu biex jimplimenta r-riżultat tal-voti inwistjoni iżda beħsiebu ‘jidħol fi djalogu kostruttiv mad-deputati’. Intant – f’daqqa ta’ ħarta oħra għal May – il-Kap tal-Partit DUP (tal-Irlanda ta’ Fuq) Arlene Foster qalet li l-partit tagħha ma bidilx il-pożizzjoni u mgħandux jappoġġja l-ftehim ta’ May għall-Brexit. Dan meta d-DUP hu l-alleat ta’ May fil-House of Commons.

Fl-istess waqt, l-UE ħabbret li konkludiet il-preparamenti għal xenarju ta’ no-deal Brexit fejn il-Britanniċi jistgħu joħorġu mill-Unjoni mingħajr ftehim mal-pajjiżi-membri.

Il-Kummissjoni Ewropea, li hi l-fergħa eżekuttiva tal-Unjoni, ikkonfermat il-pjan waqt li qalet li qed jidher aktar probabbli li r-Renju Unit se jħalli lill-Unjoni mingħajr ftehim fit-12 ta’ April li ġej. Sitwazzjoni ta’ no-deal Brexit għandha tkun waħda kaotika li taffettwa kull qasam u fuq kollox l-intrapriżi kummerċjali u industrijali fir-Renju Unit.

Fl-istess ħin, il-pronostiku mhux wieħed pożittiv minkejja li l-Unjoni Ewropea, jiem ilu, kienet qablet biex tipposponi l-Brexit mid-deadline oriġinali tad-29 ta’ Marzu.

F’każ li d-deputati f’Londra jibqgħu ma japprovawx il-ftehim ta’ Theresa May għall-Brexit, ma jibqgħux validi r-regoli u l-ftehim tal-UE li żviluppaw tul 46 sena ta’ sħubija Britannika.  L-impatt ta’ dan għandu jinħass fir-Renju Unit mil-lum għall-għada u bis-sitwazzjoni għandha ġġib riperkussjonijiet kaotiċi f’kull settur tal-ħajja.