Il-Moviment Graffitti lest li jwettaq aktar azzjonijiet diretti kontra l-imġieba skandaluża tal-Awtorita’ tal-Ippjanar jekk il-Fuel Service Station Policy riveduta – waħda li tipprojbixxi pompi tal-petrol fl-ODZ – ma tiġix ippubblikata immedjatament.
Fi stqarrija, il-Graffiti kienu ċari fil-pożizzjoni tagħhom. “Aħna ppruvajna minn kollox – emails, artikli, protesti, konferenzi stampa – biex inġiegħlu lill-PA tirrevedi policy li l-awtoritajiet infushom jirrikonoxxu bħala dannuża, imma kien kollu għalxejn. Dan ma jħallielna l-ebda għażla oħra ħlief li nirrikorru għal aktar azzjonijiet diretti”.
L-istqarrija tgħid illi huwa redikolu li l-Awtorità tal-Ippjanar għadha ma rrevedietx din il-policy li qed tagħmel ħsara kbira. Sena u erba’ xhur sħaħ wara li l-awtoritajiet stess ammettew l-impatt devastanti li għandha din il-policy fuq art naturali u agrikola f’Malta, u l-wegħda tagħhom li jbiddluha, il-policy riveduta ma tidher mkien.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ippubblikat ir-reviżjoni tagħha f’April tas-sena l-oħra, u ddikjarat li l-ebda pompa tal-petrol ġdida jew rilokata m’għandha tkun permessa f’siti ODZ. Madankollu, għal xhur sħaħ wara, ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-PA li hija l-awtorità fl-aħħar mill-aħħar responsabbli mill-pubblikazzjoni tal-policy riveduta.
F’Novembru li għadda, il-President Eżekuttiv tal-PA, Johann Buttigieg, iddikjara li r-reviżjoni kienet lesta u li din kellha tiġi ppubblikata b’mod imminenti. Madankollu, għaddew ħames xhur oħra minn din id-dikjarazzjoni, mingħajr ma ttieħdet l-ebda azzjoni.
Graffiti qalet illi l-PA qiegħda bla mistħija ta’ xejn tgħaddi lil kulħadd biż-żmien billi tkaxkar saqajha biex il-policy kurrenti tibqa’ fis-seħħ. Dan sabiex ftit żviluppaturi jkunu jistgħu jkomplu jitfgħu applikazzjonijiet għal pompi tal-petrol fl-ODZ. Hemm 14-il applikazzjoni għal pompi tal-petrol fl-ODZ, b’erbgħa li ġew aċċettati diġà u l-oħrajn li għadhom qed jiġu pproċessati.
Dawn ikopru d-daqs totali ta’ ħames darbiet il-Fosos tal-Furjana. Taħt il-politika attwali, kull pompa tal-petrol fuq l-ODZ tista’ tkun kbira sa 3,000m².
“Il-fatt li ħafna pompi tal-petrol enormi qed jitħallew jeqirdu art naturali u agrikola f’pajjiż żgħir bħal Malta li diġà mibni żżejjed, mhux ħlief ġennata”.
Il-PA qiegħda tgħaddi bħal gaffa fuq il-ġid komuni u l-benesseri tan-nies sabiex taġevola lil ftit sinjuruni. Billi din l-imġieba qed thedded kemm lil pajjiżna kif ukoll il-preżent u l-futur tagħna fuq din il-gżira, il-Moviment Graffitti huwa mpenjat li jagħmel dak kollu possibbli sabiex iwaqqaf dan il-ġenn.
“Bħal m’għamilna f’April u f’Settembru tas-sena l-oħra, meta wettaqna azzjonijiet diretti fil-PA sabiex nitolbu reviżjoni tal-Fuel Service Station Policy, aħna lesti li nwettqu azzjonijiet akbar u aktar qawwija jekk policy li tipprojbixxi pompi tal-petrol fl-ODZ ma tiġix ippubblikata minnufih.”