Il-Gvern ħalla lil diversi sezzjonijiet importanti tas-soċjetà mingħajr għarfien dwar x’ser jiġri ġaladarba tidħol fis-seħħ Brexit, b’mod speċjali lin-negozjanti. Dan saħqu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-Parlament hekk kif spjega li huma ħafna dawk il-Maltin li jwettqu xi tip ta’ kummerċ minn u lejn ir-Renju Unit, iżda l-Gvern s’issa falla milli jispjega x’se jiġri minnhom.
Adrian Delia saħaq li l-Gvern għandu jsib soluzzjoni mill-aktar fis sabiex dawn ikollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa. Huwa sostna li ltaqa’ ma’ madwar 1,200 stake-holders li għandhom interess dwar dak li qed jiġri u insista li għadhom fil-għama, dwar x’ser isir fil-jiem u x-xhur wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn il-persuni għandhom ikunu magħrfa b’xser ikun qed jiġri b’mod speċjali jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ebda ftehim.
Adrian Delia sostna li l-Gvern għad fadallu ħafna x’jagħmel ukoll f’dik li għandha x’taqsam relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa saħaq li r-Renju Unit huwa alleat prinċipali ta’ Malta u għaldaqstant wieħed bla ma jrid jistaqsi kif ser tkun qed tapplika l-amministrazzjoni tat-taxxa. Adrian Delia insista li dawk il-persuni li jaħdmu jew jiddependu mis-settur finanzjarju jrid ikollhom idea ċara ta’ x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern Malti fid-dawl ta’ Brexit.
//= $special ?>

