Lokali

Il-Gvern jgħaddi l-magħluq f’idejn Nature Trust

Snin wara li l-Gvern wiegħed proġett biex ikun salvat is-sit Natura 2000 tal-Magħluq f’Marsaskala, f’dan il-post għadha tiddomina t-telqa.

Fi żjara ghall-midja, stajna ninnutaw kif partijiet minn dan is-sit għadhom karatterizzati minn ilma qiegħed, nemus u saħansitra skart mixħut fl-ilma.

Fis-sit saħansitra għad hemm popolazzjoni tal-papri, li huma fost l-għedewwa numru wieħed tal-bużaqq … ħuta li llum-il ġurnata hi l-ħuta nazzjonali ta’ Malta u li f’dan is-sit kważi spiċċat għalkollox.

Din kienet il-wegħda tal-Gvern meta tliet snin ilu l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala saħansitra kien kostrett jorganizza protesta biex tingħata attenzjoni lil dan is-sit.

Minn dan is-servizz ta’ Television Malta għaddew sena u seba’ xhur u l-filmati jixhdu waħidhom x’sar minn dak iż-żmien.

Issa, se tkun in-Nature Trust li tiehu ir-riedni f’idejha, wara li kien ilha snin tappella biex tingħata attenzjoni lil dan il-post tant importanti, bi flora u fawna endemiċi.Taħt it-tmexxija ta’ Nature Trust, bi sħab ma’ awtoritajiet oħra, mill-ewwel bdiet tittieħed azzjoni tant li kien żgurat li jsiru kameras tas-sigurtà biex jinqabad min iħammeġ kif ukoll għandu jibda proġett ta’ azzjoni, inkluż tneħħija tal-ħama li akkumulat.