Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jiltaqa’ mal-Komunità Iżlamika f’diskussjoni dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Fil-jiem li għaddew il-Partit Nazzjonalista ltaqa’ mal-Komunità Iżlamika f’diskussjoni dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-Partit Nazzjonalista ħadem għal Ewropa tad-drittijiet għal kulħadd bla diskriminazzjoni u se jkompli jinvesti fid-djalogu mal-komunita iżlamika Maltija bħal ma għamel fil-passat.

Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Viċi Kap Robert Arrigo bil-parteċipazzjoni tal-Kandidat għall-Elezzjoni Ewropea Peter Agius u l-Kandidati u MEPs David Casa u Francis Zammit Dimech iltaqgħu mal-Imam El Sadi u l-Komunità tal-Misilmin f’Malta fiċ-Ċentru Iżlamiku f’Raħal Ġdid.

Fil-laqgħa saret diskussjoni elaborata dwar l-isfidi tal-komunità u dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dħalna fl-Ewropa għad-drittijiet kollha tagħha u dan ifisser li jeħtieġ naraw li neliminaw kull diskriminazzjoni abbażi ta’ reliġjon fost l-oħrajn u li nippromwovu l-libertajiet reliġjużi, tkun xi tkun ir-reliġjon. Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-Imam El Sadi t-tnejn insistew fuq l-importanza tad-djalogu bħala l-pedament sod tal-Komunita’ Iżlamika fis-Soċjeta’ Maltija.

L-Imam El Sadi semma kif il-Partit Nazzjonalista wera bil-fatti l-qrubija tiegħu għal din il-komunità meta salva l-Iskola Iżlamika Mariam Al-Batool meta din naqsula l-fondi kif wara r-reġim fil-Libya. Peter Agius, David Casa u Francis Zammit Dimech insistew li jeħtieġ inkomplu dan id-djalogu, għax id-djalogu huwa l-aħjar arma kontra d-diskriminazzjoni u urew id-disponibbiltà tagħhom li jaħdmu għal dan anke fil-Parlament Ewropew.