Kunsilli Lokali Lokali

Il-PN se jibqa’ l-vuċi tal-Luqin

Il-ħtiġijiet ta’ Ħal Luqa hemm bżonn li jiġu mħarsa b’serjetà biex l-isfidi jiġu megħluba u ma jibqgħux ta’ detriment. Dan qalu il-Kap tal-PN fi żjara li għamel ġewwa din l-istess lokalità fejn fiha ltaqa’ ma’ numru ta’ Luqin u qalulu dak l-aktar li jħassibhom.

Preżenti ma’ Adrian Delia kien hemm numru ta’ Kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u kif ukoll dawk għall-Kunsill Lokali, deputati u l-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono. Permezz ta’ din iż-żjara l-PN seta’ jifhem aħjar il-karba tal-Luqin. Fost l-oħrajn numru ta’ residenti lmentaw fuq il-problema tat-transport, u kif ukoll oħrajn ilmentaw fuq Triq Dun Pawl u Triq il-Ġdida li jinsabu bħalissa fi stat diżastruż. Adrian Delia wkoll tkellem dwar in-nuqqas ta’ ħarsien u sigurtà li hemm fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Kap tal-PN qal li sfortunatament meta nisimgħu b’Ħal Luqa ħafna jaħsbu fuq il-vjaġġi, btali, u l-ajruport, madankollu din il-lokalità hija ferm aktar minn hekk. Huwa hawn ma naqqasx milli jitkellem ukoll fuq Ħal Farruġ, zona oħra li tagħmel parti minn din il-lokalità. Adrian Delia qal li dan il-Gvern ma jimpurtahx mill-Kumitati Amministrattivi, u kontinwament dan qiegħed joħnoqhom.

Huwa għalaq billi qal li l-PN permezz tal-kandidati tiegħu fil-lokalità ta’ Ħal Luqa se jibqa’ jkun il-leħen li jservi tassew il-ħtiġijiet tal-Luqin.