Lokali

AĠĠORNATA: Raġel imut wara li waqa’ 4 sulari

Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ ta’ katavru li instab kmieni dalgħodu f’sit ta’ kostruzzjoni f’Tas-Sliema – sejba li saret għall-ħabta tat-8am fi Triq Dingli, Tas-Sliema.

Ir-raġel, li possibilment huwa barrani, waqa’ madwar 4 sulari. Nies fil-post qed jgħidu li l-vittma mhuwiex ħaddiem u filfatt huwa instab minn ħaddiema li kienu se jibdew il-ġurnata tax-xogħol.

Net News jinsab infurmat li l-Protezzjoni Ċivili kellha tuża ħbula u makkinarju tal-kostruzzjoni biex ittella’ l-katavru mill-post fejn instab.

Bħalissa għaddejja ħidma biex jiġi identifkat il-vittma, il-kawża eżatta tal-mewt tiegħu u anke l-ħin tal-mewt.

Dan l-istazzjon jista’ jikkonferma li l-grada tas-sit kienet il-ħin kollu magħluqa fi tmiem il-ġimgħa. Sorsi qalulna wkoll li fis-sit instab il-karkur li kien liebes il-vittma.

Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali.

Ħaddiema li kienu qed jagħmlu xogħol f’dan is-sit ikkonfermaw li z-zona dejjem inżammet imbarrata. Biex wieħed jidħol fis-sit kellu jixxabbat ma’ grada, għolja madwar sular (ritratt taħt).

Is-sit imbarrat bil-grada