Futbol Sport

It-tim Malti tal-weightlifting jispiċċa fit-tielet post fit-tournament Ewropew għall-Pajjiżi ż-Żgħar

It-tim Malti spiċċa fit-tielet post fit-tournament Ewropew għall-Pajjiżi ż-Żgħar li sar f’pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. F’dan it-tournament ħadu sehem timijiet minn disa’ pajjiżi u sar flimkien mar-raba’ edizzjoni tal-Open Internazzjonali Charles Mifsud.

It-tim Malti kien magħmul minn Yazmin Zammit Stevens, Roberta Tabone, Vlad Baldacchino, Matthew Camilleri u Shaun Ciantar. Ċipru rebħet il-kompetizzjoni filwaqt li l-Iżlanda spiċċat fit-tieni post. It-tim tan-nisa spiċċa fit-tieni post filwaqt li dak tal-irġiel temm fit-tielet post.

Riżultat pożittiv għal Yazmin Zammit Stevens li rebħet l-aħjar atleta femminili. Din kienet l-ewwel darba li weightlifter Maltija rebħet dan l-unur. Hi ħadet sehem fil-kategorija ta’ taħt il-71kg u temmet b’rekord nazzjonali ta’ 85kg fis-snatch u clean and jerk ta’ 100kg għal total ta’ 238 punt.

Roberta Tabone ħadet sehem fl-istess kategorija u spiċċat b’203 punti wara snatch ta’ 69kg u clean and jerk ta’ 91kg.

L-aħjar riżultat fil-grupp tal-irġiel wasal minn Vlad Baldacchino li fil-kategorija ta’ taħt is-96kg spiċċa b’306 punti bi snatch ta’ 127kg u clean and jerk ta’ 145kg. Dawn kienu kollha rekords nazzjonali fil-kategorija.

Shaun Ciantar ipparteċipa fil-kategorija taħt il-81kg. Hu spiċċa b’298.74 punt wara snatch ta’ 108kg u clean and jerk ta’ 128kg. Dawn kienu kollha rekords nazzjonali fil-kategorija.

Fir-raba’ edizzjoni tal-Open Internazzjonali Charles Mifsud ħadu sehem Elisia Scicluna, Anton Micallef, Rodmar Pulis, Martin Pisani u ż-żagħżugħa Tenishia Thornton.

Hi spiċċat fit-tieni post 14-il punt wara atleta mill-Irlanda u rebħet l-aħjar atleta żagħżugħa ta’ dawn il-kampjonat. Thornton kisbet l-aħjar riżultat personali bi snatch ta’ 51kg u clean and jerk ta’ 60kg biex waqqfet rekords fil-kategoriji ta’ 45kg.

Elisia Scicluna ħadet sehem fil-kategorija taħt it-87kg u spiċċat b’76kg snatch u 95kg clean and jerk u flimkien ma’ Thornton bħala tim spiċċaw fit-tieni post.

It-tim tal-irġiel spiċċa fit-tieni post wara li Anton Micallef ma għamilx riżultat totali minħabba li falla l-attentati tiegħu fil-clean and jerk. Hu kien refgħa ta’ 105kg fis-snatch.

Martin Pisani ħa sehem fil-kategorija taħt is-96kg u kiseb riżultat ta’ 100kg snatch u 122kg clean and jerk. Rodmar Pulis għadu mhux fl-aħjar kundizzjoni wara li kien weġġa’ spalltu lura fl-2016. Hu ħa sehem fil-kategorija taħt id-89kg u rnexxielu jispiċċa b’86kg snatch u 130kg clean and jerk.