Lokali

It-tmexxija tal-Air Malta tikser il-ftehim kollettiv – il-ħaddiema “abbandunati mill-union” jipprotestaw

It-tmexxija tal-Air Malta qed tikser il-ftehim kollettiv li kien iffirmat mal-General Workers’ Union f’dak li għandu x’jaqsam mar-roster tal-ħaddiema tar-rampa.

Dan wassal biex il-ħaddiema, it-Tnejn filgħodu nġabru l-quddiem il-Parlament f’messaġġ kontra l-bidla fix-shifts tagħhom mingħajr konsultazzjoni … liema bidla wasslet għal sigħat ta’ xogħol meqjusa bħala inaċċettabbli.

Il-ħaddiema, madwar 50, imxew lejn Kastilja fejn talbu laqgħa mal-Minsitru Konrad Mizzi li sa jumejn biss qabel, waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Air Malta, ftaħar bis-suċċessi tal-linja nazzjonali.

Ironikament ir-roster tal-impjegati kienet qed toħroġ fl-istess ħin li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, iċ-Chairman Charles Mangion kien qed jiftaħar bis-suċċessi, u waqt li faħħar lill-Ministru u lill-Prim Ministru, jitlob il-commitment tal-impjegati.

Il-ħaddiema li pprotestaw ikkritikaw lit-tmexxija li qed tagħmel il-profitt billi tgħakkes lilhom tant li saħansitra kellhom jieħdu l-leave minn tagħhom biex jieħdu sehem fil-protesta, u oħrajn ma setgħux jattendu għax il-leave ma ġiex approvat.

Huma akkużaw lill-General Workers’ Union, li tirrappreżentahom, li mhix tieħu azzjoni quddiem din is-sitwazzjoni.C

Net News jinsab infurmat li l-ħaddiema qed jikkunsidraw li jibdew jiġbru l-firem biex joħorġu mill-General Workers’ Union u joħolqu union għalihom.

Mix-xahar id-dieħel, il-ħaddiema tar-rampa se jkunu fost dawk trasferiti lejn kumpanija ġdida, MedAir fuq deċiżjoni tal-Gvern li qed tqajjem diversi tħassib fost il-ħaddiema.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista insista li fi kliem il-ħaddiema stess, il-unions tagħhom mhux ikunu infurmati b’dak li qed iseħħ fl-Air Malta, u l-affarijiet qed isiru jafuhom meta jkun tard wisq.