Edukazzjoni Lokali Qorti

Jingħataw il-warrant ta’ avukat

Wara snin twal ta’ studju, 114-il avukat ingħataw il-warrant biex ikunu jistgħu jibdew jipprattikaw fil-professjonijiet legali.

Għal din iċ-ċerimonja kien preżenti fost l-ohrajn il-Prim Imħallef, il-Ministru għall-Ġustizzja, il-President tal-Kamra tal-Avukati u l-Aġent Avukat Ġenerali.

Fiċ-ċerimonja, il-President tal-Kamra tal-Avukati Louis de Gabriele feraħ lill-avukati u prokuraturi legali li għadhom kif kisbu l-warrant, filwaqt li enfasizza li issa huma daħlu fil-familja tal-avukati u għalhekk iridu jġorru r-responsabilitajiet kollha li ġġib magħha l-professjoni. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jaspiraw f’ħajjithom għall-għola valur fil-professjoni.

Tkellem ukoll il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, fejn filwaqt li awgura lill-avukati ghas-suċċess tagħhom, fakkarhom li l-istudji tagħhom ma jispiċċawx hawnhekk – anzi, issa d-doveri lejn il-Qorti u l-etika jiżdiedu. Iddikjara li issa jridu jkunu huma li jħarsu l-interess tas-soċjeta’ u dak tas-saltna tad-dritt.

Intant kemm l-Aġent Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u l-Ministru tal-Ġustizzja saħqu li minkejja li ħafna mill-gradwati mhux se jkunu qegħdin jersqu lejn il-Qorti, xorta waħda jridu jibqgħu aġġoranti bl-iżviluppi fil-liġi u l-ġurisprudenza.

Wara l-messaġġ tal-kelliema, l-avukati u l-professjonisti legali ġodda ngħataw il-warrant tagħhom u  issa jonqoshom biss l-aħħar pass – dak li jieħdu l-ġurament tagħhom fil-Qorti.

Fost dawk li ingħataw il-warrant kien hemm il-preżentatriċi ta’ Net AM l-avukat Roberta Bonello, kif ukoll l-avukati Darren Carabbot u Mario Frendo; eks kollegi tal-kamra tal-aħbarjiet.