Din il-ġimgħa l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qed jorganizza diversi attivitajiet bi tħejjija sabiex fit-28 ta’ Marzu jiġi ċċelebrat Jum il-Belt Valletta.
Fl-attività ta’ dalgħodu, il-Kunsill Lokali tal-Belt iċċelebra Jum il-Belt mat-tfal tal-primarja tal-istess lokalità. Preżenti kien hemm numru ta’ plejers mill-Klabb ta’ Valletta FC li ħadu l-opportunità li jhallu l-firem lit-tfal u jieħdu ritratti magħhom… filwaqt li l-Kunsill ħejja diversi attivitajiet għat-tfal fosthom face painting u bouncing castle f’atmosfera brijuża.
Fl-istess attività, is-Sindku tal-Belt Christian Micallef flimkien mal-Viċi Sindku Vince Fabri, qassmu l-figolli bl-emblema tal-kunsill Lokali tal-Belt Valletta lit-tfal kollha preżenti.
F’kelmtejn tal-okkażjoni Christian Micallef spjega kif din hi ġimgħa importanti għall-Beltin għax qed ikun imfakkar it-twaqqif tal-Belt kapitali li din is-sena qed tiċċelebra 453 sena ta’ storja. Intant matul din il-ġimgħa l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta se jkun qed jorganizza diversi attivitatjiet.
Il-qofol jintlaħaq il-Ħamis fil-jum taċ-ċelebrazzjoni meta se jsir tqegħid tal-kuruni fejn hemm l-ewwel ġebla tal-Belt Valletta. Bħal kull sena se jingħataw numru ta’ rikonoxximenti lil diversi Beltin kif ukoll se jingħata l-premju tant mistenni ta’ ġieh il-Belt Valletta.
//= $special ?>