Ekonomija Lokali

“Persuna bi dħul ta’ €22,000 qed issibha diffiċli biex tixtri jew tikri proprjetà”

Jekk il-pagi jiżdiedu b’mod mgħaġġel, il-ħaddiema b’nuqqas ta’ ħiliet se jispiċċaw iħallsu prezz qares. Dan ħareġ minn intervista li l-gazzetta The Malta Independent għamlet maċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Jobsplus Clyde Caruana.

Bħalissa, qed iqumu ħafna mistoqsijiet dwar kemm il-pagi tal-lum il-ġurnata huma biżżejjed biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħalja u mal-prezz dejjem jogħla tal-kirjiet u tal-proprejtà f’pajjiżna. Hu qal li persuna waħedha li taqla’ madwar 22,000 ewro, qed issibha diffiċli biex issib post fejn toqgħod.

Clyde Caruana sostna li l-ħaddiema barranin qed jitħallsu inqas għall-istess xogħol li jista’ jagħmel ħaddiem Malti.

“Fejn 15-il sena ilu kumpanija kienet timpjega mijiet ta’ ħaddiema, illum il-ġurnata l-istess kumpanija timpjega nofs il-ħaddiema. Fattur ieħor hu li fejn qabel ħaddiema kien iżomm l-istess impjieg għal ħajtu kollha, illum il-ħaddiema qed ibidlu x-xogħol tagħhom għal madwar għaxar darbiet.  Dan qed iwassal biex il-kumpanija jispiċċaw ma jinvestux fil-ħaddiema bil-biża’ li wara perjodu ta’ żmien dawn jitilqu u jsibu xogħol ieħor.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus kritika l-fatt li s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna mhux qed tħejji studenti biex ikunu preparati għad-dinja tax-xogħol. 45% ta’ dawk li jagħmlu l-‘O’ Levels mhux qed jirnexxilhom ikomplu bl-istudju tagħhom fil-Junior College.

Clyde Caruana temm jgħid li jekk il-ġenerazzjoni tal-lum mhux se jkollha ħiliet adekwati, se ssibha diffiċli biex tadatta ruħha għas-suq tax-xogħol ta’ għada.