Futbol Sport

Se tattendi għal-logħba kontra Spanja? Segwi l-appell tas-South End Core

Hekk kif il-Grawnd Nazzjonali f’Ta’ Qali għada mistenni jkun ippakkjat, is-South End Core qed tmexxi appell għal dawn li se jkunu preżenti.

‘Boys in Red’ hu l-appell ta’ dan il-grupp bl-iskop li kemm jista’ jkun nies jilbsu l-aħmar għal din il-logħba. Is-South End Core hu grupp li ilu għall-aħħar snin jorganizza s-sapport għal-logħob tan-nazzjonal, l-ewwel taħt it-tmexxija ta’ Louis Agius u issa f’idejn Dillon Mercieca.

Il-Grawnd Nazzjonali mistenni jkun mimli b’xejn inqas minn 17,000 persuna għal-logħba bejn Malta u Spanja. Fost dawn 450 persuna li se jkunu man-naħa tal-avversarji.

Net News jinsab infurmat ukoll li s-South End Core se jiddebutta korjografija ġdida u oriġinali, fil-forma ta’ bandiera enormi li mistennija tgħatti parti minn dan is-settur ta’ wara l-lasta.