Sliema Hotsticks fetħu l-kampjonat beraħ meta għelbu liċ-champions Qormi Daikin 5-1 u laħquhom fil-quċċata tal-klassifika. Sliema Hotsticks fetħu l-iskor fl-ewwel attakk bi ġmiel ta’ gowl ta’ Christ Agius li skorja b’konklużjoni minn angolu magħluq fis-saqaf tax-xibka.
L-iskor sar 2-0 fis-16-il minuta b’Sliema jdawru korner qasir ta’ Qormi f’kontrattakk, b’Jonathan Borg jiskorja fil-baxx. Il-Qriema kienu maħsudin u ftit wara Ryan Dalli skorja t-tielet gowl.
Qormi Daikin ħarġu fit-tieni taqsima biex jerġgħu jidħlu fil-logħba u rnexxielhom inaqqsu d-distakk minn Kyle Micallef wara sensiela ta’ korners qosra.
Iċ-champions poġġew pressjoni fuq id-difiża Slimiża li iżda żammet sod bil-gowlkiper Emile Borg jispikka hekk kif salva diversi drabi. Fit-tentattiv li jiskorjaw it-tieni gowl, Qormi bdew ikunu aktar skoperti u fl-għoxrin minuta tat-tieni taqsima sofrew ir-raba’ gowl meta Christ Agius ikkonkluda b’suċċess wara kontrattakk.
Ftit minuti mit-tmiem, Silias Plaehn għamel l-iskor finali 5-1 minn azzjoni ta’ korner qasir ta’ Sliema. L-umpires tal-logħba kienu Edward Hughes u Shawn Mifsud.
Fl-ewwel logħba tal-ġurnata, Rabat rebħu 2-0 kontra White Hart f’logħba interessanti. Justin Pace Gasan fetħet l-iskor fl-20 minuta u wara li White Hart fallew diversi okkażjonijiet fit-tieni taqsima, Mario Galea rdoppja l-vantaġġ. L-umpires kienu Nathan Galea u James Mizzi.
Logħob li jmiss
Il-Ħadd
Kumpless tal-Hockey f’Kordin
Qormi v Floriana 9.00am
Sliema H. v Rabat 11.00am
Klassifika
L R D T F K Pti
Qormi 9 6 2 1 38 15 14
Sliema H. 9 6 2 1 30 7 14
Floriana YS 8 4 2 2 20 12 10
Rabat 9 3 0 6 9 24 8
White Hart 9 0 0 9 1 40 0
//= $special ?>