Lokali

Tħassib mill-ħaddiema tal-Air Malta wara l-ħolqien ta’ MedAir

L-aħbar li l-Gvern waqqaf kumpanija tal-ajru ġdida bl-isem MedAir qed tqajjem diversi mistoqsijiet fost il-ħaddiema tal-Air Malta.

Fi stqarrija, is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista nnutat li t-twaqqif oriġinali ta’ din il-kumpanija kien li tieħu s-slots minn idejn l-Air Malta għall-prezz ta’ €60 miljun u terġa’ tikrihom lill-istess kumpanija nazzjonali.  

Issa jidher li din il-kumpanija qed tmur lil hinn minn dan il-għan. Il-ħaddiema li kellmu lil Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista, irrimarkaw li kif qal l-istess Ministru Konrad Mizzi din kienet twaqqfet sabiex terfa’ mill-ispejjeż li kellha l-Air Malta sabiex b’hekk il-Gvern ikun jidher li solva l-problemi fl-Air Malta.  

L-istess ħaddiema stqarrew li l-Gvern permezz ta’ din il-kumpanija qed iħallas il-pagi tal-ħaddiema tal-Ground Handling. Għalhekk l-Air Malta neħħiet minn fuqha miljuni ta’ ewro fi spejjeż ta’ pagi, liema pagi qed jagħmel tajjeb għalihom il-Gvern. B’hekk il-Ministru Mizzi jkun jista’ jgħid li l-Air Malta issa qed tagħmel il-qligħ.  

Il-ħaddiema issa ilhom snin b’qalbhom imtertqa, u ħafna ħaddiema ta’ esperjenza qed jagħżlu li jieħdu impieg alternattiv mal-Gvern b’detriment għall-istess kumpanija.

Imħassba wkoll għall-ammont ta’ impjegati ġodda full-time li qed jiddaħħlu mal-Air Malta u li jidher li se jkomplu jiżdiedu hekk kif qed joqorbu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali.  

Il-ħaddiema qalu li l-unjins tagħhom mhumiex ikunu infurmati b’dak li qed iseħħ fl-Air Malta u l-affarijiet isiru jafuhom meta jkun tard wisq.