Lokali Parlament

Tradiment mad-dilettanti tal-Karnival

Meta persuna tidħak bik, jew taħbilek verita’, jew ma tgħidlekx il-verita’ kollha, li se taffettwak serjament, inti tħossok tradut. Hekk qegħdin iħossuhom id-dilettanti tal-karnival, u b’mod partikolari l-Kumpanija Tal-Banda Carnival Troupe li f’daqqa waħda se jkollhom jevakwaw jew aħjar se jitkeċċew mill-maħżen tagħhom fil-Furjana.

Dan kollu biex tagħddi triq mill-istess post. L-ikbar tradiment mhux li se jkollhom jevakwaw. L-ikbar tradiment huwa li jidher li l-Ministeru tal-Kultura kien jaf għal aktar minn sena b’dan imma m’għamel xejn. Agħar minn hekk, ma nfurmax lil min qed juża dan il-maħżen biex jibda jfittex post alternattiv. Dan huwa żmien meta l-Gvern wegħdhom villaġġ u meta dan l-aħħar il-maltemp għamlilhom il-ħsara.

Dan qalitu fil-ħin tal-aġġornament id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg. Hija kkritikat lill-Gvern li ma offriex xi tip ta’ għajnuna biex fil-fatt din il-kumpanija ssib post ieħor minn fejn taħdem u fejn taħżen l-affarijiet tagħha. Biex iktar jiġu nsultati, il-kumpanija tal-Karnival tal-Banda Carnival Troupe offrewlhom żewġ kontejners biex jaħżnu l-affarijiet fihom.

Din tal-kontejners saret moda. Ta’ min jgħid li din il-kumpanija tispjeċaliżża fis-satira politika, wara li għaddiet il-liġi li din hija permessibbli u li dawn issa ħadu aħbar bħal din.

Din mhux mhux politika partiġġana, għax dawn huma mħalltin, u ma jimpurtahomx minn min hu Nazzjonalist jew Laburist, u il-kelliema qalet li semmiet il-politika għax ġara li ġara. Dan huwa maħżen mibni fuq ġibjun u wieħed ma jafx kif se tinbena triq fuq ġibjun, u wieħed jispera li l-ġibjun mhux se jiġi eliminat.

Buttiġieġ qalet li fl-aqwa żmien għandu jsibulhom post xieraq. Meta marret tara l-karru flimkien ma’ Jose’ Herrera biex jiffirmaw fuq il-karru kellhom jitilgħu żewġ sulari, u dan issa fejn se jqiegħdu l-materjal? Din l-offerta tal-kontejners żgur li saret minn min m’għandux l-iċken idea ta’ xi jfisser taħdem karrijiet tal-karnival.

Jafu kemm hemm makkinarju li jintuża fil-karrijiet li ma joqgħodx f’kontejner Jafu kemm jinżamm materjal biex jerġa jintuża minn dawn id-dilettanti minn sena għall-oħra? Jafu li fil-maħżen tal-karnival mhux biss jinħażen dan il-materjal imma JINĦADEM dan il-materjal.

Id-dilettanti tal-karnival huma mnikkta ħafna b’dak li qed jiġri għax qed iħossuhom traduti minn min wegħdhom, sena wara sena, villaġġ tal-karnival, mhux żewġ kontejners, imma villaġġ. Iktar minn ħames snin ilu l-Gvern appunta persuna biex issib spazji għar-“rock bands”.

Nistaqsi, minn dawk il-garaxxijiet u spazji kollha li suppost instbu m’hemmx post tajjeb għal din il-kumpanija? Jista’ jgħidilna l-Ministru jgħidilna x’ġara minn din il-persuna? Forsi jsib xi post. Dawn qed jaħdmu f’post bl-ilma jiskula u mhux f’xi post ideali, imma x’jiġri?, minflok ngħinuhom nimxu magħhom b’dan il-mod.

Il-karnival huwa kultura, huwa parti mill-kultura ta’ pajjiżna, pajjiżna li mhux fi żmien is-sajf fejn hemm il-baħar, ħafna turisti jiġu speċifikament għalih, hekk sew. Allura hekk nagħmluhom l-affarijiet. Irridu nuru solidarjeta’ ma nies li b’mod volontarju jferrħu lil ħadd ieħor u meta joħorġu l-flus mill-but, u kif nirringrazzjawhom, billi nagħtuhom daqqa ta’ sieq u nitfgħuhom il-barra.

Gvern li ma kienx kapaċi jżomm mal-wegħda li jagħtihom post sura ta’ nies u alternattiv. Nisperaw li dan mhux xi tentattiv minn naħa tal-Gvern biex tieqaf is-satira politika f’Malta.