Lokali

Bżonn li nagħrfu l-opportunitajiet biex Malta sservi ta’ pont strateġiku bejn l-Afrika u l-Ewropa

Hemm bżonn li pajjiżna jagħraf l-opportunitajiet biex iservi ta’ pont strateġiku bejn ir-riżorsi li l-Afrika hi mogħnija bihom u l-opportunitajiet ta’ suq kbir u ħieles li tipprovdi l-Ewropa.

Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa li kellu mal-President tar-Repubblika tal-Ghana Nana Addo Dankwa Akufo-Addo fil-Palazz ta’ San Anton.

Adrian Delia qal li mal-President tal-Ghana, hu tkellem f’isem l-Oppożizzjoni, iżda wkoll f’isem id-diversi entitajiet Maltin u Għawdxin li jistgħu japprofittaw minn relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ naħat.

Filwaqt li hu importanti li jeżistu r-rabtiet diplomatiċi, il-Kap tal-Oppożizzjoni enfasizza fuq il-bżonn li jinħolqu wkoll rabtiet f’setturi bħan-negozju, l-isport, il-kultura u anke t-turiżmu. Dan hekk kif dawn is-setturi jgħinu biex in-nies jersqu aktar qrib ta’ xulxin.

Tenna li Malta tista’ sservi bħala pont fi żmien fejn wieħed qed ifittex ir-riżorsi mill-pajjiżi Afrikani biex jiżviluppahom aktar fl-ambjent Ewropew.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ghana qabel mal-ħsieb espress mill-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn qal li d-delegazzjoni li akkumpanjatu kienet f’pajjiżna propju biex ikun assigurat li jinbnew dawn ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat.

Fuq l-istess temi kienet il-laqgħa li l-President Akufo-Addo kellu mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleio Preca. Fil-Palazz tal-President fil-Belt, iż-żewġ mexxejja l-ewwel kellhom laqgħa bejniehom qabel ma ġew akkumpanjati mid-delegazzjonijiet rispettivi.

Il-President Coleiro Preca qalet li din kienet laqgħa storika minnha nfisha, li ssaħħaħ il-momentum li beda biż-żjara tagħha fil-Ghana ftit tas-snin ilu. Hi tenniet l-impenn li jissaħħaħ is-settur soċjo-ekonomiku.

Laqgħat oħrajn matul il-jum inżammu mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mal-Ispeaker Anġlu Farrugia, fost l-oħajn.

Mal-wasla tiegħu fi Pjazza San Ġorġ, il-President tal-Ghana ntlaqa’ mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, filwaqt li spezzjona wkoll il-Gwardja tal-Unur. U fi tmiem il-laqgħa fil-Palazz, il-Ministru Malti tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u l-Ministru tal-Ghana responsabbli mill-istess settur iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat.