Futbol Sport

Gowl lejn it-tmiem jikkundanna liż-żgħażagħ Maltin


KOSOVO……. 1 MALTA………. 0

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kien megħlub mill-Kosovo 1-0 b’gowl lejn it-tmiem fit-tieni partita ta’ ħbiberija f’Antalya lbieraħ. Il-kowċ Silvio Vella għamel biss bidla mir-rebħa kontra t-Turkmenistan ftit jiem ilu, bil-plejer ta’ OFK Belgrade Neil Frendo jagħmel l-ewwel debutt ma’ din l-iskwadra.

Malta kellha ċans tiftaħ l-iskor fit-32 minuta meta Aidan Friggieri rebaħ ballun f’nofs il-grawnd u qassam lejn Myles Beerman fuq ix-xellug, bil-plejer ta’ Gżira jitfa’ kross lejn Zachary Brincat li niżżel lejn Frendo iżda l-konklużjoni għaddiet għoli.

Fit-tieni taqsima l-Kosovo kienet perikoluża fid-69 minuta bi free-kick li ġiegħel lil Andreas Vella jsalva b’diffikultà. Malta skorjat tliet minuti wara iżda l-gowl kien imħassar għal offside ta’ Zachary Brincat.

Il-gowl deċiżiv wasal fid-87 minuta meta minn kross mix-xellug, is-sostitut Dagert Hoxha kien blokkat parzjalment minn Vella iżda mir-rebound Valmir Veliu skorja mill-viċin.

Malta: A. Vella (T. Aquilina 91’), M. Sansone, C. Zammit (Z. Cassar 88’), N. Pulis, J. Borg, K. Shaw, A. Friggieri (R. Fenech 88’), N. Frendo (J. Busuttil 56’), M. Grima (D. Xuereb 88’), M. Beerman, Z. Brincat (P. Mbong 85’)