Ambjent Lokali

Il-Kumitat Ornis ser jirrakkomanda diskussjonijiet ma’ l-UE imma mhux il-ftuħ ta’ Staġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-gamiem fl-2019

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ipprovdiet Rapport kemm lill-Gvern u lill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni aktar kmieni dan ix-xahar, li għamlet ukoll disponibbli għall-Membri tal-Kumitat Ornis qabel il-Laqgħa rispettiva tal-llum. Minbarra dettalji oħrajn, fir-Rapport il-FKNK ipproponiet t-tneħħija tal-Moratorju u l-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa għall-gamiem mill-15 sat-30 ta’ April 2019.  Madankollu, il-Laqgħa tal-Kumitat Ornis tal-llum iddeċidiet li ma’ tirrakkomandax din il-proposta tal-FKNK.

Waqt li l-FKNK ivvotat favur il-proposta tagħha, r-rappreżentanti tal-BirdLife Malta u ta’ l-ERA ivvutaw kontra, bit-tliet persuni nominati mill-Gvern u ċ-Ċermen jastjenu milli jivvutaw.  Il-proposta tal-FKNK għalhekk ma’ ntlaqgħetx.

Billi Malta hija l-uniku Stat Membru ta’ l-UE, mill-għaxar pajjiżi fejn isir ukoll kaċċa tal-gamiem, li imponiet Moratorju fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ l-ispeċi, filwaqt li d-disa’ Stati l-oħra m’aċċettawx li jimponu moratorju fuq l-istaġuni tal-kaċċa tal-ħarifa tagħhom kif ipproponiet il-Kummissjoni ta’ l-UE; u billi Malta hija wkoll l-uniku Stat b’verdett tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-10 ta ‘Settembru 2009 (Każ C-76/08) li ddikjara li l-kaċċa tall-ħarifa f’Malta mhix soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti għall-kaċċa fir-rebbiegħa; fuq il-bażi tar-Rapport tagħha, l-FKNK ħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex jiftaħ diskussjonijiet immedjatament mal-Kummissjoni ta’ l-UE biex tinstab soluzzjoni fit-tul dwar il-kwistjoni.

Għalhekk, saret votazzjoni f’dan ir-rigward fejn il-FKNK, iċ-Ċermen u t-tliet persuni nominati mill-Gvern ivvutaw favur il-mozzjoni.  Din il-proposta issa se tkun irrakkomandata lill-Ministru għall-implimentazzjoni.