Atletika Sport

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta se jorganizza ġirja ta’ ħames kilometri b’kollaborazzjoni ma’ Mellieħa AC

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta b’kollaborazzjoni ma’ Mellieħa Athletic Club se jorganizza ġirja ta’ ħames kilometri fil-Belt Valletta s-Sibt 20 ta’ April li jaħbat Sibt il-Għid. Dan l-avveniment hu sponsorjat minn Express Trailers. Is-Sindku Christian Micallef qal li din il-ġirja kienet ilha nieqsa mill-kapitali għal bejn 15 u 20 sena.

Hu żied li din l-inizjattiva għandha tkun l-ewwel waħda minn diversi snin u kompla li bl-għan li jkun hemm għajnuna għall-għaqdiet fil-Belt Valletta, din is-sena se jibbenefikaw il-Valletta FC Youth Development Sector.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta diġà laħaq ftehim biex parti mis-somma finali li tinġabar, tgħaddi lis-settur taż-żgħażagħ ta’ Valletta FC biex jinvestu f’apparat mediku, filwaqt li l-Kunsill Lokali jirdoppja s-somma finali.

Il-President ta’ Mellieħa AC Ivan Cassar qal li bħala klabb dejjem xtaqu li jkollhom tiġrija fil-Belt Kapitali. Hu rringrazzja lis-Sindku Christian Micallef minħabba li sar bil fi żmien qasir.

Cassar kompla li fil-passat kien hemm tellieqa tradizzjonali ta’ tliet kilometri iżda din l-edizzjoni se tkun ta’ ħames kilometri bil-parteċipanti jgħaddu minn fejn is-sur ta’ Santa Barbara, jgħaddu minn Triq il-Merkanti u Triq ir-Repubblika bit-tmiem ikun ħdejn il-Parlament. Hu kompla li r-rispons sa issa hu pożittiv ħafna.

Iċ-chairman tal-Valletta FC Youth Development Sector James Mackay irringrazzja lil Mellieħa AC u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li ħasbu fihom. Hu żied li din mhux l-ewwel darba li l-Kunsill Lokali kien hemm fl-esiġenzi tagħhom u saħaq li din l-attività hi importanti għaliex it-tfal huma l-futur ta’ għada.

L-applikazzjonijiet għat-tiġrija jistgħu jsiru permezz tas-sit www.mellieħaac.info jew fil-paġna ta’ facebook Mellieħa AC. In-numru tat-tellieqa jinġabar l-Erbgħa 17 ta’ April mingħand Eurosport f’Birkirkara.