“Jien ħdimt biex il-YouTubers Maltin jitħallsu għall-kontenut li joħolqu u jxerrdu online, biex ikunu bħal YouTubers f’pajjiżi oħra tal-UE. Il-vot tal-lum hu pass importanti biex l-artisti Maltin, li jinkludu kantanti, kittieba, mużiċisti, awturi u disinjaturi jirċievu rimunerazzjoni xierqa għal xogħolhom, u b’hekk ikun assigurat li n-nies ikunu jistgħu jgawdu aktar kanzunetti, mużika u kontenut.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu wara vot fuq liġi ġdida tal-UE.
Waqt li kien qed jitkellem fuq l-importanza tal-liġi, Zammit Dimech, eks Ministru tal-Kultura, qal, “Aħna lkoll irridu li artisti, bħal kantanti u awturi tal-kanzunetti, li jibqgħu joħolqu kontenut li nistgħu ngawdu u nxerrduh mal-ħbieb. Biex isir dan, irridu nassiguraw li dawn in-nies ikunu mħallsa b’mod ġust mill-ġganti tat-teknoloġija u l-pjattaformi, biex tkun assigurata s-sostenibbiltà tas-settur, u biex nibqgħu ninvestu f’talenti ġodda. Irridu nkunu ċerti li l-pjattaformi jaqsmu l-profitti mal-kreaturi.”
Diversi artisti Maltin tkellmu dwar l-importanza ta’ din ir-riforma, nkluż Joseph Calleja li qal, “L-industrija tal-mużika qed tiffaċċja l-estinzjoni mingħajr liġi tal-UE.” Artisti Maltin, fosthom The Travellers, iffirmaw il-manifest għal internet miftuħ u ġust – mingħajr ċensura, u li jipprovdi rimunerazzjoni ġusta lill-artisti. L-MEP Malti qal, “Il-vot tiegħi llum hu dwar konsistenza. Fil-Parlament Ewropew, jien ħdimt biex nissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema. Irrid ukoll nissalvagwardja d-drittijiet tal-artisti. Is-sajf li għadda, waqt laqgħa mal-artisti, artist lokali qalli li hu jirċievi biss €60 għal numru ta’ xhur. Dan hu inaċċettabbli. Kif nippretendu li nippromowvu karrieri full-time fil-kultura u s-settur kreattiv b’din it-tip ta’ rimunerazzjoni?”
Zammit Dimech spjega li din ir-riforma se tassigura wkoll aktar riżorsi għall-għalliema. Din il-liġi se tiffaċilita l-użu ta’ pubblikazzjonijiet u kontenut online għar-riċerka, miżura li se jgawdu minnha ċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet. Se tkun qed issaħħaħ ukoll l-użu tas-satira, permezz ta’ memes, karikaturi, gifs u parodiji. Dan hu pass importanti biex nippreżervaw l-istorja kulturali tagħna permezz tad-diġitalizzazzjoni.
//= $special ?>