Lokali Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew jappoġġja l-proposta biex tintemm il-bidla bejn il-ħin tas-sajf u l-ħin tax-xitwa fl-2021

Il-Parlament Ewropew fi Brussell
L-Istati Membri xorta jommu d-dritt tagħhom li jiddeċiedu liema zona tal-ħin ikollhom

Id-deputati Ewropej ivvutaw biex mill-2021 intemmu l-prattika li naġġustaw l-arloġġi b’siegħa fir-rebbiegħa u l-ħarifa.

Skont l-abbozz ta’ liġi approvat mill-MEPs b’410 vot favur, 192 kontra u 51 astensjoni, il-pajjiżi tal-UE li jiddeċiedu li jżommu l-ħin tas-sajf tagħhom għandhom jagħmlu l-aħħar bidla tal-arloġġ tagħhom fl-aħħar Ħadd ta’ Marzu 2021. Dawk li jippreferu jżommu l-ħin standard (tax-xitwa) tagħhom, jistgħu jaġġustaw l-arloġġi tagħhom għall-aħħar darba fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru 2021.

Il-MPE appoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni biex itemmu l-bidliet fil-ħin staġjonali, iżda vvutaw li jipposponu d-data mill-2019 għall-2021. 

Ħarsien tas-suq uniku 

Il-MPE jridu wkoll li l-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni jikkoordinaw id-deċiżjonijiet biex jiżguraw li l-applikazzjoni tal-ħin tas-sajf f’xi pajjiżi u tal-ħin tax-xitwa f’pajjiżi oħrajn ma tfixkilx is-suq intern. 

It-test adottat jgħid li, jekk il-Kummissjoni ssib li l-arranġamenti tal-ħin previsti jistgħu jfixklu b’mod sinifikanti u permanenti, it-tħaddim xieraq tas-suq uniku, hija tista’ tressaq proposta biex tipposponi d-data tal-applikazzjoni tad-direttiva b’mhux aktar minn 12-il xahar. 

Il-passi li jmiss 

It-test adottat huwa l-pożizzjoni tal-Parlament għan-negozjati mal-ministri tal-UE dwar it-test finali tar-regoli.