Futbol Sport

Il-pussess ta’ Spanja jsarraf biss f’żewġ gowls

(Ritratt: Joseph Galea)

MALTA…………. 0

H. Bonello, J. Mintoff (M. Mifsud 69’), Z. Muscat, J. Caruana (K. Micallef 85’), S. Borg, J. Zerafa, J. Corbalan, P. Fenech, M. Guillaumier, J. Mbong (R. Muscat 65’), K. Nwoko

SPANJA………… 2

K. Arrizabalaga, S. Roberto, S. Ramos, M. Hermoso, J. Gaya, S. Canales, Rodri, S. Niguez (J. Navas 65’), J. Bernat (I. Munain 56’), M. Asensio, A. Morata (Rodrigo 79’)

Imwissija: J. Corbalan 72’ (M)

Skorjaw: A. Morata 31’, 72’ (S)

Referee: Andrew Dallas (Skozja)

Assistenti Referees: Francis Connor, Daniel McFarlane (Skozja)

Attendenza: 16,542

Gowl f’kull taqsima kienu biżżejjed biex Spanja kisbet it-tieni rebħa fi Grupp F. Spanja kienet favorita netta li tegħleb lit-tim nazzjonali Malti u jista’ jkun li ħasbu li se jiksbu rebħa akbar. It-tim Malti prova l-aħjar li seta’ iżda d-differenza fil-kwalità kienet evidenti.

Wieħed ma jridx inaqqas mill-impenn tal-plejers Maltin li kienu dixxiplinati u urew l-impenn tagħhom. Madankollu Spanja żgur li riedet rebħa akbar hekk kif il-pussess tagħhom sarraf biss f’żewġ gowls.

Mir-rebħa kontra l-Gżejjer Faroe, Ray Żażu Farrugia għamel tliet bidliet. John Mintoff, Zach Muscat u Joseph Zerafa bdew minflok Rowen Muscat, Andrei Agius u Michael Mifsud. Kif mistenni, it-tim Malti kien aktar difensiv mil-logħba tas-Sibt b’sistema ta’ 5-4-1 li għal ħafna ħin kienet dixxiplinata.

Spanja taħt it-tmexxija ta’ Robert Moreno wara li Luis Enrique kellu jħalli pajjiżna minħabba raġunijiet familjari ma kinitx bl-aqwa formazzjoni, bil-gowlkiper David De Gea, Jordi Alba u Sergio Busquets fost il-plejers li ma kinux mal-ewwel ħdax.

Kif mistenni, l-inizjattiva kienet f’idejn Spanja iżda fl-ewwel kwarta ma kinux ta’ periklu għal Henry Bonello. Kien fis-16-il minuta li Spanja ħolqot l-ewwel ċans b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Saul Niguez li għadda ftit barra. L-istess midfielder ta’ Atletico Madrid reġa’ kien perikoluż meta f’azzjoni maħduma tajba rċieva mingħand Sergi Roberto iżda x-xutt finali minn qagħda ideali għadda ftit għoli.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess u kien man-nofs siegħa logħob li ħolqu azzjoni oħra b’daqqa ta’ ras ta’ Morata li kienet salvata minn Bonello. Iżda minuta wara Spanja marret fil-vantaġġ. Kien ballun fit-tul fl-ispazju lejn ALVARO MORATA li għeleb id-dwell ma’ Zach Muscat u għeleb lil Henry Bonello b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni ftit angolata, f’sitwazzjoni li Bonello seta’ għamel ftit aħjar.

Ftit minuti wara l-gowl, id-difiża Maltija kienet ftit skoperta u saħansitra għal ftit ma wasalx it-tieni gowl minuta wara iżda Saul Niguez reġa’ falla okkażjoni oħra, bix-xutt finali jispiċċa għoli. Fl-40 minuta free-kick ta’ Marco Asensio għadda fuq il-lasta.

L-andament fit-tieni taqsima ma nbidilx, b’Spanja tiddomina l-pussess. Simili għall-ewwel taqsima, Spanja kellha bżonn madwar kwarta biex kienet perikoluża. Fit-58 minuta daqqa ta’ ras ta’ Morata għaddiet ftit barra wara kross mil-lemin ta’ Roberto.

Marco Asensio impenja lil Henry Bonello darbtejn fi ftit sekondi. Fiż-żewġ okkażjonijiet iż-żagħżugħ irċieva mingħand Roberto bl-ewwel xutt fil-baxx ikun salvat mingħajr diffikultà filwaqt li t-tieni x-xutt ħoloq aktar diffikultà għal Bonello li salva parzjalment, bir-rebound ta’ Rodri tkun imxellfa f’korner minn Zach Muscat.

Il-kowċ Malti Ray Farrugia għamel dikjarazzjoni li se jipprova jkun aktar offensiv b’żewġ bidliet hekk kif daħlu Rowen Muscat u Michael Mifsud flok Joseph Mbong u John Mintoff.

Iżda ftit minuti wara, Spanja aċċertat mit-tliet punti fit-73 minuta b’azzjoni tajba fuq il-lemin tas-sostitut Jesus Navas li ħoloq l-ispazju u tefa’ kross għan-nofs lejn ALVARO MORATA li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha ma tax ċans lil Bonello jsalva.

Erba’ minuti wara, Sergio Ramos prova jniżżel ismu fost l-iskorers b’xutt minn barra l-kaxxa, iżda Bonello wieġeb tajjeb u salva. Fis-86 minuta Sergio Canales ta l-illużjoni tat-tielet gowl b’xutt minn pożizzjoni ċentrali li spiċċa ċentimetri barra.

Lejn it-tmiem it-tim Malti kellu żewġ tentattivi li ma kinux ta’ inkwiet għal Kepa Arrizabalaga. Juan Corbalan prova b’xutt li spiċċa f’idejn il-gowlkiper, biex ftit wara Michael Mifsud prova b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda fuq il-lasta.

Spanja ma kinitx kuntenta b’żewġ gowls u fit-93 minuta Bonello kien attent biex salva tajjeb xutt bix-xellug ta’ Marco Asensio.