Lokali

Ir-rapport tal-Moneyval “mhux inkwetanti” għal Owen Bonnici

Għall-Ministru Owen Bonnici, ir-rapport tal-moneyval dwar il-qafas regolatorju Malti sabiex jiġġieled ir-reat tal-ħasil tal-flus mhux inkwetanti għaliex għalissa għadu fi stadju ta’ abbozz u mhux rapport komplut.

Ir-rapport tal-Kumitat ta’ Esperti mill-Kunsill tal-Ewropa, magħruf bħala Moneyval, falla lill-Gvern Malti fuq diversi oqsma. Minn 11-il qasam differenti, ebda wieħed minnho ma’ kiseb grad għoli iżda biss grad medjokri jew baxx.

Jekk is-sitwazzjoni ma titjiebx sar-rapport finali skedat għal Lulju li ġej, jistgħu jibdew proċeduri li jistgħu iwasslu biex pajjiżna ikun blacklisted. Iżda mistoqsi jekk dan ir-riżultat interim hux inkwetanti, Owen Bonnici jirreferi għal rapporti oħrajn.

Intant, wara dan ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern jaġixxi b’mod immedjat sabiex terġa tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan qalu fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista fejn sostna li l-Gvern għandu jibda billi jirrikonoxxi l-problema li ħoloq hu stess, u jaġixxi biex terġa tissaħħaħ ir-reputazzjoni tajba li kellha Malta.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, Mario de Marco, qal li jekk il-Gvern jonqos milli jagħmel dan, pajjiżna se jkompli jonqos milli jiġbed investiment dirett barrani, u tkompli ssir ħsara lin-negozju eżistenti u li jipprovdi l-għixien lil eluf ta’ familji Maltin.