ll-Gvern qiegħed iħabbar li ser ikun qiegħed japplika deroga għall-ftuħ tal-istaġun għall-kaċċa għas-summiena mil-10 sat-30 ta’ April 2019, iż-żewg dati inklużi, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar.
Stqarrija tal-Gvern tgħid li min-naħa l-oħra, il-Kumitat ORNIS ma laqax it-talba mressqa mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti sabiex tinfetaħ il-kaċċa għall-gamiem, bir-rappreżentanti ta’ BirdLife Malta u tal-ERA jivvutaw kontra, tliet membri oħra jastjenu u r-rappreżentant tal-FKNK jivvota favur. Dan għaliex il-gamiema hi meqjusa bħala fi stat ta’ konservazzjoni vulnerabbli mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Konservazzjoni (IUCN). Fuq talba tal-FKNK, il-kumitat ORNIS irrakkomanda lill-Gvern sabiex isiru diskussjonijiet mal-Kumissjoni Ewropea sabiex ikun hemm soluzzjoni sostenibbli fir-rigward tad-deroga tal-kaċċa tal-gamiema fir-Rebbiegħa
Il-kaċċa tas-summien hi regolata bi kwota nazzjonali ta’ 5,000 summiena. Ser tkun qiegħda titneħħa l-kwota individwali tal-ġurnata u kif ukoll il-kwota individwali tal-istaġun.
Sadanittant fi stqarrija, Birdlife Malta esprimiet sodisfazzjon li l-Kumitat Ornis għaraf il-vulnerabilita’ tal-gamiema. Il-Birdlife ħeġġet lill-Gvern u lill-Prim Ministru sabiex ikun kuraġġuż u ma jiftaħx l-istaġun tar-Rebbiegħa, jew, jekk għandu jiftaħ l-istaġun għas-summien, jiftħu biss għall-ewwel ġimgħatejn ta’ April biex tkun evitata l-aqwa tal-passa tal-gamiem.
Birdlife Malta wissiet li jekk id-dati kif proposti jkunu aċċettati, l-istaġun se jservi ta’ paraventu biex kaċċaturi jisparaw illegalment fuq il-gamiem.
//= $special ?>