Meta kien qed jitkellem dwar l-ABBOZZ TA’ LIGI 79, Att biex jemenda l-att dwar il-Kunsilli Lokali d-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi qal li bħala Oppożizzjoni dejjem emminna li n-nies jixirqilhom li jkollhom Kunsilli Lokali li jservu bl-aħjar mod lir-residenti fl-ibliet u l-irħula madwar Malta u Ghawdex.
Pero’ b’dispjaċir ngħid li l-Abboz li għandna quddiemna ftit li xejn qed jirrikonoxxi dan. Abbozz li minflok ma jghid kif il-kunsilli se jkompli jinghataw aktar poteri aktar jitkellem dwar doveri amministrattivi. Ghandna Abbozz li ma hu qed izid l-ebda poteri lill-Kunsilli Lokali.
Ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li t-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, li fil-bidu seta kien esperiment, illum ikoll naqblu li din saret esperjenza sabiħa. Ikoll nirrikonoxxu l-fatt li l-Kunsilli Lokali kienu żvilupp pozittiv. Il-Kunsilli Lokali rnexxew għax in-nies kienu kapaċi jipparteċipaw fi proċess demokratiku sabiex jeleġġu r-rappreżentanti li jridu fil-Kunsilli Lokali.
Esperjenza sabiħa li minnha qed igawdu r-residenti tal-irħula u l-ibliet tagħna. Kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li, 25 sena ilu, welled il-Kunsilli Lokali biex ikun hemm deċentraliżazzjoni tal-poter, li jkunu ta’ servizz u aktar qrib tan-nies.
Għalhekk dawn jixirqilhom li jkollhom aktar poteri u fondi sabiex verament jkunu jistgħu jwettqu aktar proġetti għan-nies. Anzi nghid li qed ikompli inaqsilhom il-ftit poteri li ghad ghandhom. Qal li xtaq li jitkellem b’mod pożittiv dwar ir-riforma tal-Kunsilli Lokali. Pero’ meta wieħed jiżen il-proposti li ressaq il-Gvern, wiehed jara kif bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.
Il-Gvern, mill-bidu nett li bdiet tissemma din ir-riforma, wera, li wara din l-hekk imsejħa riforma, kellu ntenzjonijiet ulterjuri. Anke l-fatt li l-Gvern fetaħ il-konsultazzjoni man-nies dwar din ir-riforma fiż-żmien meta kien qed jiġi diskuss il-Baġit, ma hu xejn ħlief ingann għall-poplu. Il-Gvern sa wasal biex ressaq proposti li diġa qegħdin fil-liġi u għalhekk huma proposti mingħajr sustanza ta’ xejn.
Proposti bhal dawn ma huma xejn hlief insult u ingann ghall-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi. Għandna Abboz ta’ liġi fejn ma ssemmewx suġġetti bħas-sigurta’, il-finanzjament tal-Kunsilli, u l-istaff amministratttiv fil-Kunsilli Lokali stess. Riforma li ukoll qed tinsa u twarrab liż-żgħażagħ
Abbozz ta’ liġi li fiha tissemma proposta li, fl-opinjoni tiegħi, ma tagħmel xejn ħlief tinsulenta l-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi. Proposta li l-Gvern qies bħala waħda mportanti – dik dwar it-tibdil fl-isem minn Kunsilli lokali għall-Gvernijiet Lokali.
Niftaħru li lill-Kunsilli Lokali issa se nibdew ngħidulhom Gvernijiet lokali u fl-istess waqt wasalna biex permezz ta dan l-Abboz il-Gvern qed jabolixxi l-Kumitati Amministrattivi.Il-Gvern qed jgħid li jrid isaħħaħ il-Kunsilli Lokali, u b’daqqa ta’ pinna irid ineħħi dawn il-Kumitati.
Dan huwa teħid ta’ poter ċar, u mhux għoti ta’ poteri. Propjament nhar it-12 ta’ Marzu , tmin t’ijiem ilu, hareg Avviz legali bin-numru 44 tal-2019 li għandu l-iskop li jemenda ir-Regolamenti dwar Kumitati Amministrattiv ghal Komunitajiet.
Din l-emenda tgħid li l-elezzjonijiet ghall-membri tal-Kumitati Amministrattivi li kollhom isiru f’Mejju tal-2019, għandhom jiġu posposti u jsiru f’xi data oħra kif ippubblikata b’regolamenti maħruga mill-Ministru..
Il-Ministru qed jinħeba wara dan l-Avviz legali u jgħid biss li l-elezzjonijiet ta dawn il-Kumitati se jiġu posposti. Donnu qed isiba diffiċli jgħid li dawn fil-fatt se jiġu aboliti.
Dawn il-Kumitati Amministrattivi gew imwaqqfa minn Gvern immexxi minn Partit Nazzjonalista għaliex kien inħass il-bżonn li dawn iż-żoni għandhom bżonn aktar attenzjoni.
Hu kkalkulat li madwar 25 elf persuni, li jabitaw f’dawn il-komunitajiet, se jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom li jeleġu persuni mill-komunita’ tagħhom biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom.
Il-kelliem qal li bħala Oppożizzjoni nemmnu li bil-ħidma tal-Kunsilli Lokali hu mportant li ssir differenza fil-ħajja tar-residenti. Nemmnu li nnutli nitkellmu dwar riforma jekk ma jkunx hemm rieda li naħdmu flimkien. Għax b’hekk biss verament naraw li din ir-Riforma ttejjeb lill-Kunsilli Lokali.
Irridu naraw li din ma tkunx riforma kożmetika, imma riforma li verament tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Hu propju b’dan l-iskop li l-Oppożizzjoni ppreżentat 80 proposta, b’enfażi partikolar fuq is-sigurta’ u l-aspett soċjali, fost l-oħrajn.
Ħafna drabi, ngustament, niġu kkritikati li aħna negattivi. Propju it-tmenin proposti li ressaqna juru biċ-ċar, li anke wara 25 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli f’pajjiżna, aħna bħala Oppożizzjoni, rridu ikunu parteċipi fit-tisħiħ tal-Kunsilli Lokali.
Aktar minn hekk, permezz ta’ dawn it- 80 proposta ghall-Kunsilli Lokali, il-Partit Nazzjonalista, bħala Oppożizzjoni pożittiva trid issaħħaħ il-kunċett li l-Kunsilli Lokali qegħdin hemm biex jaraw x’inhuma l-bżonnijiet tan-nies, biex iwieġbu għat-tħassib tan-nies, u fuq kollox biex iservu lin-nies.
80 proposta li juru bl-aktar mod ċar li l-Oppożizzjoni mhux ħsieba li tikkritika biss. Anzi trid tkun parteċipi fit-twettieq ta’ riformi għall-aħjar. Tant trid tkun trid tkun parteċipi li dawn it-tmenin proposta, b’riżq ir-riforma tal-Kunsilli Lokali, ġew ippubblikati saħansitra qabel il-pubblikazzjoni tal-White Paper li ħareġ il-Gvern.
Propost tal-Partit Nazzjonalista li għandhom aspetti mportant ħafna saħansitra anke dwar dak li għandu x’jaqsam mal-qasma soċjali. U dan għaliex, bħala Oppożizzjoni, nemmnu li għandu jkollna Kunsilli Lokali b’kuxjenza u azzjoni soċjali. Il-Kunsilli mhumiex hemm għat-toroq u l-bankini biss.
Dawk importanti, imma rridu narawhom ukoll attivi biex isolvu l-problemi soċjali li qed jiżdiedu f’pajjiżna, anke fil-lokalitajiet tagħna.B’hekk, jittrattaw dawn il-problemi sa mill-bidu u jiżdied ċ-ċans li nsolvuhom qabel ma jkun tard. Iva, hu mportant li l-kunsilli lokali jkollhom informazzjoni dwar l-aspett soċjali tal-komunitajiet u dwar il-bżonn li jkun hemm support worker u care worker f’kull Kunsill Lokali.
Hemm bzonn jiżdiedu wkoll n-night u day centres waqt li jkunu nvoluti iktar l-għaqdiet volontarji. Permezz ta din il-proposta, filwaqt li l-Kunsill għandu jaħdem fil-qasam soċjali, fis-sens wiesa’ tal-kelma u mingħajr fruntieri, imma irrid jibbaża u jiffoka l-ħidma tiegħu primarjament fuq setturi bħal, fost oħrajn:
Persuni li jgħixu waħedhom u persuni emarġinati, persuni bi problemi ta’ housing u / jew li saħansitra li huma mċaħħda mid-dritt bażiku għal saqaf fuq rashom.Anzjani u l-careres tagħhom, persuni u familji li jinstabu f’riskju ta’ faqar jew jgħixu fil-faqar, persuni b’diżabilita’ u l-familjari tagħhom, persuni li jesperjenzaw vizzji inkluż il-logħob tal-ażżard u realtajiet ġodda f’dan il-qasam u Oqsma tas-Saħħa u mard Partikolari.
B’sodisfazzjon qal Azzopardi huwa innota li din il-proposta giet inkluża fl-Abbozz. Fid-dokument tal-Partit Nazzjonalista hemm proposta oħra ferm important. Proposta dwar is-Sigurta’ u Aktar Ordni fil-Lokalitajiet. Il-Kunsilli Lokali għandhom ikunu spalla ma’ spalla mal-forzi tal-ordni biex il-ġlieda kontra l-kriminalita’ titwettaq ukoll fuq bażi lokali.
Dan jsita’ jsir permezz t’inizjattivi varji bi prezenza aktar qawwija tal-pulizija f’kull lokali. Anke strateġija ta’ prevenzjoni tal-kriminalita’ u d-delinkwenza, fuq livell lokali, jista’ jkollha riżultati pożittivi. Għal dan il-għan il-Partit Nazzjonalista qed jissuġerixxi li:
Għandu jiddaħħal il-kunċett ta’ Community Policing. Dan ifisser li f’kull lokalita’ jkollha numru ta’ pulizija on duty 24 siegħa kuljum, liema grupp ta’ pulizija jkunu dejjem l-istess u jkunu familjari mal-lokalita’ u r-residenti.
Il-Kunsill lokali jkollu d-dritt li jitlob direttament lil dawn il-Pulizija tal-Komunita’ sabiex jinvestigaw ilmenti li jkollhom konnessjoni mal-ordni pubblika, traffiku u trasport, ambjent u infurzar ġenerali tal-liġi.
F’kull lokalita mhux biss ikun hemm Għassa tal-Pulizija attrezzata għaż-żminijiet tal-lum, iżda li din l-istess Għassa tkun miftuħa 24 siegħa kuljum. Fi ftit kliem dawn il-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista jikkonċernaw aktar koperazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali f’reġjuni, u kif il-Kunsilli jistħgu jgħinu fil-problema soċjali jkun hemm fil-lokalitajiet.
Pero’ dan ma jistax jintlaħaq jekk ma jiġux investiti aktar finanzi pubbliċi fil-lokalitajiet. Il-Partit Nazzjonalista ippropona li parti mid-dħul li jiġi ġġenerat fil-lokalita, bħall-użu tal-art u l-permessi, tmur għand il-Kunsilli lokali.
Dan biex il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jaħdmu aħjar u jassiguraw li jkollhom fondi biżżejjed biex hidmiethom tissaħħaħ.Frederick Azzopardi tenna, li filwaqt li għall-Partit Nazzjonalista, l-Kunsilli Lokali nħolqu biex iservu lin-nies, il-Gvern Laburista jaħseb li qegħdin hemm biex iservu lill-Gvern.
Il-proposti li kienet ressqet l-Oppożizzjoni kellhom l-iskop li l-Kunsilli Lokali jkollhom aktar awtorita’ biex iservu aħjar lin-nies u jsolvu l-problemi fil-lokalitajiet.
Ma hemmx dubju li dawn huma tmenin proposta li jindirizzaw direttament il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Maltin fl-irħula, u li jagħmlu differenza għall-aħjar f’ħajjithom.
Proposti li saru wara proċess ta’ konsultazzjoni mill-Partit Nazzjonalista ma’ Sindki u kunsilliera miż-żewġ kampi politiċi flimkien ma esperti fis-suġġett.
Konsultazzjonijiet li għenu lill-Partit Nazzjonalista jfassal il-fehma tiegħu permezz ta dokument li jolqot l-aspetti kollha fil-lokalitajiet tagħna. Qal ukoll li uħud mill- proposti li fih dan id-dokument ġew riflessi fl-abbozz dwar ir-riforma li qed niddiskutu.
Saħaq li’ b’dispjaċir jinnota li l-Gvern, intenzjonalment ghazel li jiskarta jew jipposponi bosta proposti important oħra tal-Partit Nazzjonalista. Din id-deċiżjoni ħażina tal-Gvern se tfisser li r-riforma, fost oħrajn, mhux se tagħti aktar poteri lill-kunsilli lokali.
Il-Gvern preżenti, bid-diversi miżuri li ha kemm ilu li ha l-ammistrazzjoni tal-pajjiż, ftit ftit qed jirrendi lill-Kunsilli Lokali f’ Customer care tal-Gvern, minflok li l-Kunsilli jkunu ta’ servizz għan-nies u jagħmlu d-differenza meħtiega fil-lokalitajiet.
Permezz ta’ dan l-Abbozz, Il-Gvern, minflok li qed iżid l-poteri u finanzjament tal-Kunsilli Lokali, qed ineħħilhom il-poteri. Imma, fejn jaqbillu, xorta jixħet it-tort fuq il-kunsilli lokali, meta dawn huma bla poteri. L-Oppozizjoni dejjem kienet kontra li jitnaqqsu l-poteri tal-Kunsilli Lokali. Anzi dejjem saħqet li għandhom jingħataw aktar responsabbilitajiet.
Fuq kollox Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħaddan il-prinċipju li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu motivati u mhux jitnaqqsulhom ir-responsabilitajiet. Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dan kollu wettqu għaliex dejjem żied il-poteri tal-Kunsilli Lokali.
Il-Gvern Laburista qed jagħmel bil-kontra. Wasalna fi stat li qed immorru 26 sena lura fil-Kunsilli Lokali, għax ir-responsabilitajiet qed jitnaqqsu kuljum. Hemm diversi deċiżjonijiet li ħa il-Gvern Laburista u li wassal għal tnaqqir ta’ poteri tal-Kunsilli.
Fost dawn hemm meta il-poteri li kellhom il-Kunsilli Lokali fuq it-toroq għaddew għal ghand “Infrastructure Malta”. Awtorita’ maħluqa mill-Gvern sabiex tiddetta hi x’toroq isiru.
Dan sar mingħajr konsultazzjoni kif jixraq mal-Kunsilli Lokali, in-negozji u l-istess resident ta’ dawn it-toroq, bil-konsegwenza li jikber l-inkonvenjent għalih. Ma smajt l-ebda sindku li tkellem b’mod pożittiv dwar din id-deċiżjoni.
Waqt li bħalissa jinsab għaddej il-famuż pjan tal-Gvern ta’ bini ta’ toroq – progett li se jiswa 700 miljun ewro minn flus il-poplu, ħafna Kunsillil qed jilmentaw għall-fatt li mhux qed jiġu konsultati dwar it-toroq magħżula u x-xogħol kif se jsir.
L-istess ġara dwar id-deċiżjoni dwar l-iskema ta’ ġbir ta’ skart. L-istess ġara lill-LESA. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar il-LESA ma ġabu xejn ħlief falliment.
Falliment li mhux biss ta’ daqqa ta’ ħarta lill-Kunsilli Lokali fl-infurzar fil-lokalitajiet, iħda l-problemi li jikkonċernaw lill-lokalitajiet ma’għadhomx jiġu indirizzati. Is-sindki jammettu li qabel s-sitwazzjoni kienet aħjar għaliex huma l-kunsilliera li jafu meta u fejn għandu jkun hemm il-gwardjani lokali.
Il-Gvern kien injora għal kollox il-proposti li kienet ressqet l-Oppozizzjoni. Ma nistax ma nsemmix ukoll id-diżappunt kbir meta s-swieq miftuhin tneħħew mir-responsabbilita’ tal-Kunsilli Lokali.
Hija tal-mistħija kif Ministru wara l-ieħor qegħdin qishom f’kompetizzjoni bejniethom minn minnhom huwa l-iżjed kapaċi li jieħu l-iktar responsabbilitajiet mingħand il-Kunsilli Lokali u jgħaddihom lura għal għand il-Gvern.
Lanqas biss jikkonsulta magħhom u jinjorahom għal kollox anke f’dan il-każ.Il-kelliem tenna li hija ironija, li wara 26 sena mit-twaqqfif tal-Kunsilli, qed nassistu biss għal xenarju ta’ tnaqqis ta’ poter wara l-ieħor.
Staqsa x’sens jagħmel dan l-Abbozz ta’ liġi, li qed jipproponi l-Gvern, meta f’nifs jitkellem fuq riforma imbagħad permezz tad-diversi Ministri qegħdin jinsterqu r-responsabbilitajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali.
Biex il-Gvern ikun kredibli ma għandux ikompli jirredikola l-Kunsilli Lokali u l-awtorita’ tagħhom. Id-deċiżjonijiet li qed jieħu il-Gvern huma provi ċari li dan mhux Gvern li jemmen fil-Kunsilli Lokali.
Anzi hu Gvern li ma jirrispettax lill-Kunsilli Lokali għax ma jikkonsultax magħhom. Sitwazzjoni li qed twassal biex għandna sindki u kunsilliera li huma dimotivati għaliex mhux qed jiġu konsultati f’xejn u fejn għandek dipartimenti tal-gvern li qed jgħadduhom biż-żmien.
Jekk xejn l-esperjenza tal-Kunsilli Lokali urietna li l-poplu Malti u Għawdxi kapaċi jiddibatti l-għażliet differenti fi proċess politiku fl-aqwa sens tiegħu. Esperjenza li għalmitna niddeċiedu flimkien u naħdmu favur il-lokalitajiet tagħna.
Dan hemm bżonn li insedquh b’aktar poteri lill-Kunsilli Lokali. Il-poter hu servizz; aktar ma jkun qrib in-nies, aktar ikun ta’ servizz lin-nies.
Bħala Oppożizzjoni nemmnu li l-Gvern u l-entitajiet kollha għandhom jaħdmu spalla ma spalal mal-Kunsilli Lokali jekk verament irridu li r-riforma ppjanata għal dan is-settur tħalli l-frott mixtieq.
Fisser kif fuq kollox l-Oppżzizzjoni, taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia, temmen li jekk il-Kunsilli Lokali ma jkunux relevanti għan-nies, allura r-riforma tkun falliment.
Il-Kunsill lokali u l-Kunsilliera, huma ta’ liema partit huma, għandhom l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista u se jsibuh bħal tarka għal kull aġir sistematiku tal-gvern kontra l-eżistenza tal-Kunsilli Lokali