Il-maġġoranza tal-istudenti fl-Universita’ ta’ Malta huma kontra il-legalizzazzjoni tal-abort f’Malta. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Kunsill tal-Istudenti Universitarji fost il-fakultajiet u l-Istituti kollha tal-Universita.
Għall-mistoqsijiet ewlenija, 58.4 fil-mija wieġbu li l-abort ma jkunx legalizzat filwaqt li 41.6 fil-mija wieġbu li huma favur.
L-istħarriġ sar matul Jannar u Frar u b’kollox irrispondew 733 student bil-marġni tal-iżball ikun ta’ 3.5%.
Minn dawn, kważi żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu kienu nisa li huwa qrib il-porporzjon tal-popolazzjoni ġenerali tal-universita’.
Mistoqsija dwar x’jaħsbuha f’xenarji differenti, 92% jsostnu li l-abort m’għandux isir fl-aħħar tliet xhur tat-tqala u 84% fil-mija huma kontra li jsir abort fit-tieni tliet xhur.
64% ta’ dawk li wieġbu tennew li huma kontra li jsir abort f’każ ta’ diżabilita’ tat-tarbija, 66.7% kontra abort għal raġunijiet ta’ diffikultajiet finanzjarji.
Kważi 70% wieġbu li ma jaqblux ma’ abort għal raġuni li l-ġenitur jew ġenituri mhux lesti li jieħdu ħsieb tarbija u iktar minn 71 fil-mija huma kontra abort għar-raġuni li l-omm ma’ tridx it-tarbija. Statistikament, din hi l-iktar raġuni komuni għalfejn isir l-abort fejn hu legalizzat.
L-Opinjonijiet huma iktar maqsuma f’xenarji oħra. 49% huma kontra l-abort u 43% huma favur f’każ ta’ stupru… bi 8 fil-mija indeċiżi. F’każ ta’ periklu għall-ħajja tat-tarbija… 44% huma kontra u 43% huma favur l-abort.L-unika ċirkostanza fejn kien hemm maġġoranza favur l-abort hi f’każ ta’ periklu għall-ħajja tal-omm; bi 62% favur, u 21% kontra l-abort 17 fil-mija huma indeċiżi f’din iċ-ċirkostanza.
//= $special ?>