L-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern jaġixxi b’mod immedjat sabiex terġa tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fid-dawl tal-ewwel riżultati tar-rapport ikkummissjonat mill-Kunsill tal-Ewropa magħruf bħala l-Moneyval.
Dan qalu fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista fejn sostna li l-Gvern għandu jibda’ billi jirrikonoxxi l-problema li ħoloq hu stess u jaġixxi biex terġa tissaħħaħ ir-reputazzjoni tajba li kellha Malta.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, Mario de Marco li ffirma din l-isqarrija, qal li jekk il-Gvern jonqos milli jagħmel dan, pajjiżna se jkompli jonqos milli jiġbed investiment dirett barrani, u tkompli ssir ħsara lin-negozju eżistenti u li jipprovdi l-għixien lil eluf ta’ familji Maltin.
L-istqarrija tkompli tgħid li wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni konkreta mill-amministrazzjoni preżenti. Il-fatt li Konrad Mizzi għad għandu postu fil-kabinett diġà huwa ħażin. Il-fatt li hu qed jikkunsidra jidħol għat-tiġrija għat-tmexxija tal-partit u potenzjalment ikun Prim Ministru ma jawgura xejn tajjeb għal pajjiżna.
Jeħtieġ li għal darba, din l-amministrazzjoni tibda taħseb dwar għada. Jekk dan ma jseħħx, il-futur ekonomiku ta’ Malta se jitheżżeż. Il-piż ikollu jinġarr min-nazzjon kollu, irrispettivament mit-twemmin politiku tal-individwu.
L-Oppożizzjoni tinsab fid-dmir li titkellem fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri u li mhumiex parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet, iżda se jkunu qed ibatu l-konsegwenzi tagħhom.
L-istqarrija ttem tgħid li fid-dawl ta’ rapport ieħor ta’ kundanna dwar kif qed iħaddem il-Ministeru tiegħu, Edward Scicluna jmissu jaġixxi skont kif jitkellem u jieħu d-deċiżjoni ovvja li wieħed jistenna f’pajjiż demokratiku fejn il-politiċi jassumu r-responsabiltà għall-azzjonijiet jew in-nuqqas t’azzjonijiet tagħhom.
//= $special ?>