Uffiċjali tal-Explosives Ordnance Disposal (EOD) u tar-Rapid Intervention Unit (RIU) kellhom operazzjoni sensittiva fl-Imsida wara rapport ta’ pakkett suspettuż imqabbad ma’ vann fi Triq Gioacchino Navarro. Jidher li kien is-sid stess li rrapporta wara li ra raġel miexi lejn il-vettura tiegħu u niżel taħt il-vann.
Appena kien ikkonfermat ir-rapport, il-Pulizija evakwaw it-triq u talbu lil residenti li kienu fi djarhom biex ma joħorġux. Dan hekk kif bdiet il-ħidma li damet għaddejja għal diversi sigħat. Fil-fatt, jirriżulta li l-pakkett kien imqabbad sew mal-vann pick-up, tat-tip Hilux, tant li wieħed mill-Uffiċjali tal-EOD deher jitkaxkar għal xi ħin mal-art taħt il-vann biex ikun jista’ joħroġ il-pakkett.
Sorsi tal-Pulizija li tkellmu ma’ NET News spjegaw li sid il-vann ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jirrapporta li l-vettura tiegħu qed tkun fil-mira ta’ vandaliżmu. Tant hu hekk, li fl-aħħar ġimgħat hu rrapporta diversi attakki li wasslu għal tkissir ta’ windscreen u anke tfigħ ta’ xi materjal lejn il-vann.
Mhux magħruf x’wassal għal dawn l-atti, bis-sorsi jispjegaw ukoll li, fl-aħħar ġimgħat, sid il-vettura waħħal għadd ta’ cameras tas-sigurtà mal-faċċata tar-residenza, fejn ikun ipparkjat il-vann. Fil-fatt, dawn mistennija jkunu importanti fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Il-ħidma tal-forzi tal-ordni wasslu għal tensjoni fost għadd ta’ ġenituri, li marru biex jiġbru lil uliedhom minn childcare center li hemm fil-qrib. Madankollu, fortunatament, it-triq reġgħet infetħet wara xi sigħat, hekk kif it-tfittxija rriżultat fin-negattiv.
//= $special ?>