Lokali

AĠĠORNATA: Tifel ta’ sentejn fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Munxar

L-isptar ġenerali ta' Għawdex - Mill-Arkivji
It-tifel ta' sentejn ġarrab ġrieħi serji

Mara ta’ 47 sena residenti l-Munxar, Għawdex, tilfet il-kontroll tal-vettura tagħha tat-tip Hyundai Accent hi u ssuq fi Triq ix-Xlendi, l-Munxar stess, b’konsegwenza li baqgħet dieħla ġo arblu tad-dawl.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-2.45pm.

Fil-ħin tal-inċident mal-mara kien hemm ukoll tifel ta’ sentejn.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara u lit-tifel l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħataw il-kura meħtieġa fejn aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li ma sofriet l-ebda ġrieħi u t-tifel ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.

Aktar tard, il-kundizzjoni medika tat-tifel qalbet għall-agħar u ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ħelikopter fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Paul Coppini li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.