Il-kowċ Paul Zammit ma għadux uffiċjalment aktar kowċ ta’ Birkirkara hekk kif inħall mill-kuntratt wara deċiżjoni tal-Complaints Board tal-MFA. Birkirkara nstabu ħatja li ma onorawx il-kuntratt u kisru l-kundizzjonijiet ma’ Zammit.
Kollox beda meta l-President tal-istess klabb Frank Zarb ried li jaħtar lil John Arne Riise bħala Direttur Sportiv u jieħu t-tmexxija totali tal-iskwadra, xi ħaġa li Paul Zammit ma aċċettax minħabba li l-kuntratt tiegħu kien ta’ Head Coach u għalhekk mhux permess li xi ħadd ieħor jindaħallu fid-deċiżjonijiet.
Zammit ma qabilx mad-deċiżjoni u Birkirkara kienu viċin lejn kunflitt bejn Zammit u Riise kieku t-tnejn kienu f’xi sessjonijiet tat-taħriġ flimkien. Il-klabb Karkariż ħa d-deċiżjoni li jippermetti lil Zammit ma jinżilx għas-sessjonijiet ta’ taħriġ u għalhekk Zammit spiċċa mill-ħidma tiegħu fis-silenzju.
Zammit permezz tal-avukati tiegħu ressaq l-ilment quddiem l-MFA fejn ġie mitlub li l-MFA tiddeċiedi li l-klabb kiser il-klawsoli tal-kuntratt u għalhekk kellu jinħall mill-kuntratt fl-istess waqt li jitħallas dak kollu mniżżel fil-kuntratt li kien jiskadi f’Mejju tal-2021.
Birkirkara wieġbu u qalu li Zammit naqas li jaġixxi bi spirtu ġust lejn il-klabb wara li għażel li ma jibqax jinżel għat-taħriġ, aġixxa b’mod ostili lejn il-kumitat u ma kienx qed iġib ir-riżultati mixtieqa. Il-klabb kien stqarr li ma kellux għażla ħlief li jfittex alternattivi.
Id-deċiżjoni tat raġun lil Zammit. B’hekk kien impost li Birkirkara jkollhom projbizzjoni fuq reġistrazzjoni u trasferimenti ta’ plejers. Huma kienu ordnati li jħallu s-somma ta’ €15,000 f’pagi b’lura kif ukoll ħlasijiet dovuti għall-kumplament tal-kuntratt, likwidati għall-ammont ta’ €108,000. Dan minbarra l-imgħax ta’ 5% fis-sena mid-data tad-deċiżjoni sakemm jitħallas l-ammont kollu.
//= $special ?>