Il-Gvern nieda dokument ta’ konsultazzjoni fejn qed jiġi propost tibdil fil-liġijiet sabiex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-proposta ewlenija hi li jekk ikun hemm ġeneru li hu rappreżentat inqas minn 40% fil-Parlament wara Elezzjoni Ġenerali, jidħol fis-seħħ mekkaniżmu korrettiv li permezz tiegħu jiżdiedu 12-il Deputat mara, 6 min-naħa tal-Gvern u 6 min-naħa tal-Oppożizzjoni.
Jiġifieri jekk wieħed iqis iż-żidiet li jkun hemm bil-mekkaniżmu korrettiv li jitħaddem sabiex ikun hemm proporzjonalita’ fil-Parlament, din il-proposta se tkun tfisser li Malta jista’ jkollha Parlament li jkun qrib jew jaqbeż it-80 Deputat.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li b’dan il-mekkaniżmu, ħadd m’hu se jieħu post ħadd. In-nisa li se jkunu fil-Parlament permezz ta’ dan il-mekkaniżmu se jkunu in-nisa li jkunu baqgħu imdendla fil-għadd tal-voti; il-voti moħlija tal-kandidati mdendla rġiel li jinfetħu biex jingħaddu l-voti ta’ nisa li għadhom ma telgħux; u jinfetħu wkoll il-voti żejda ta’ kandidati nisa u rġiel li jkunu baqgħu imdendla iżda li jkunu eletti permezz ta’ elezzjoni każwali.
Proposti oħra huma li jkun hemm mainstreaming tal-ġeneru fil-liġijiet u l-policies kollha u tiġi diskussa l-possibilita’ li l-back bench ikun magħmul minn Deputati full-time.
Proposta oħra hi li l-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti tkun emendata biex toffri inċentivi lill-partiti li jagħtu iktar appoġġ lis-sess sotto-rappreżentat biex iħajjru iktar nisa joħorġu għall-Elezzjoni Ġenerali. Ir-riformi huma ta’ natura temporanja u hu propost li jiġu fi tmiemhom wara 20 sena, sakemm ma jibqax il-ħtieġa ta’ riformi bħal dawn.
//= $special ?>