Futbol Sport

Ray Farrugia għadu jrid jiddeċiedi dwar il-formazzjoni inizjali għal kontra Spanja

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-kowċ nazzjonali Ray Żażu Farrugia sejjaħ lil Spanja “bħala wieħed mill-aqwa timijiet fid-dinja, jekk mhux l-aqwa,” hekk kif illum it-tim Malti jilqa’ fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.

“Ħadna pjaċir li wara dawn is-snin kollha erbaħna t-tliet punti imma l-logħba kontra l-Faroe għaddiet. Li hu tajjeb hu li qed nintroduċu l-plejers żgħażagħ. Jista’ jkun li issa nsofru iżda din biss hi t-triq ‘l quddiem għat-tim nazzjonali Malti.”

Farrugia faħħar ħafna il-futbol Spanjol fejn qal li hu jogħġbu ħafna. Hu semma l-mod kif Johann Cruyff ittrasforma l-futbol meta kien fi Spanja u fuq din il-filosofija ħarġu kowċis bħal bħal Pep Guardiola, Vicente Del Bosque u l-kowċ attwali Luis Enrique.

Il-kowċ nazzjonali hu konxju li se jilagħbu kontra wieħed mill-aqwa timijiet fid-dinja u sostna li din il-logħba se tkun ta’ attrazzjoni kbira għall-partitarji Maltin. Hu kompla li raw ir-rebħa ta’ Spanja kontra n-Norveġja tliet darbiet iżda saħaq li t-tim Malti qed jipprepara tajjeb għal din il-logħba.

Dwar il-formazzjoni inizjali, Farrugia qal li għadu ma ħax deċiżjoni. Hu żied li qed jaraw il-kundizzjoni fiżika ta’ żewġ plejers fosthom Rowen Muscat. Għal din il-logħba se jkun hemm nieqes id-difensur Andrei Agius li tkeċċa fl-aħħar logħba. Dwar il-plejer ta’ Hibernians, il-kowċ nazzjonali qal li Agius hu plejer importanti iżda saħaq li dak hu l-futbol u jridu jimxu ‘l quddiem.

Farrugia ma kkonfermax lanqas jekk hux se jibda b’ħames difensuri u żied li kollox se jkun deċiż wara l-aħħar sessjoni. Mistoqsi kemm hu diffiċli biex xi plejers li ma lagħbux fl-aħħar logħba, jidħlu fil-formazzjoni wara l-prestazzjoni tas-Sibt li għadda, Farrugia qal li jkun hemm plejers li jkunu tajbin li jilagħbu logħba biss u għalhekk ikkonferma li plejers ġodda fit-tim iħallu tip ta’ effett.

Il-media Spanjola tefgħet l-attenzjoni tagħha biss fuq it-telfa ta’ 12-1 li t-tim Malti sofra f’Sevilla f’Diċembru tal-1983. Għal mistoqsija jekk din tistax tkun vendetta sportiva, Farrugia qal “fil-ħajja ma nemminx b’vendetta. Dan hu futbol li suppost għandu jgħaqqad lin-nies flimkien.”

Preżenti wkoll il-midfielder Paul Fenech. Hu qal li wara r-rebħa kontra l-Gżejjer Faroe, il-plejers Maltin jinsabu konċentrati fuq din il-logħba. Fenech hu wieħed mill-plejers veterani tat-tim nazzjonali u mistoqsi dwar l-irwol tiegħu fl-iżvilupp tal-plejers żgħażagħ, hu qal li bħala plejer daqs kemm hu jista’ jagħti lil dawn il-plejers, daqstant ieħor jistgħu jgħallmuh iż-żgħażagħ fit-tim.