Il-vot tal-lum fil-Parlament Ewropew juri li qed tikber il-pressjoni fuq Stati Membri li għandhom sistemi ta’ taxxa kompetittivi. Wara l-vot tal-lum, huma mistennija sforzi akbar fil-Kunsill Ewropew biex il-proċess dwar deċiżjonijiet fuq taxxa jinbidlu mill-unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata. Din it-tip ta’ bidla tista’ ssir biss bl-unanimità fil-Kunsill.
F’numru ta’ istanzi, r-rapport isemmi s-sistemi ta’ taxxa fl-Olanda, l-Irlanda, l-Lussemburgu, Ċipru u Malta. Il-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa (Kap tad-Delegazzjoni), Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech vvotaw kontra r-rapport finali tal-Kumitat dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa, li jikkritika s-sistemi tat-taxxa f’numru ta’ Stati Membri, nkluż Malta.
“Kien Gvern tal-Partit Nazzjonalista li ħoloq is-sistema tat-taxxa ta’ Malta u assigura li hi skont il-liġijiet tal-UE qabel is-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dan wassal għal riżultati pożittivi, bil-ħolqien ta’ eluf ta’ impjiegi u ġie attirat investiment sostanzjali. Aħna se nkomplu nkunu b’saħħitna kontra l-proposti kollha li jnaqqsu l-poteri u l-flessibilità ta’ Malta f’dan is-settur.”
Ir-rapport jindirizza wkoll temi bħall-protezzjoni tal-ġurnalisti, kif ukoll fatti ppubblikati dwar 17 Black. Ir-riżoluzzjoni tinsisti li l-Għarab Emirati Magħquda jikkooperaw fl-investigazzjoni ta’ 17 Black, kif ukoll li jitwaqqaf tim investigattiv, bl-appoġġ tal-Europol u l-Eurojust, biex jindirizza d-dubji serji dwar l-indipendenza tal-investigazzjonijiet fuq 17 Black.
//= $special ?>