Lokali

Sejba ta’ 51.6Kg droga kokaina

Valur ta' €5.8 miljuni

Ġimgħa biss wara l-qabda ta’ konsenja kbira ta’ droga kokaina b;valur ta’ €32.4 miljuni, id-dwana Maltija interċettat qabda ta’ 51.6kg droga moħbija f’kontejner refrigerated fit-Terminal tal-Freeport.

Is-sejba saret waqt spezzjoni ta’ rutina ta’ kontejners deħlin u ħerġin minn pajjiżna.

L-uffiċċjali tad-dwana għażlu seba’ kontejners li kienu fuq rotta meqjusa bħala riskjuża. Wara l-ewwel spezzjonijiet, żewġ kontejners reefer instabu li kienu rregolari u kien hemm suspett ta drogi moħbija. Tfittxijiet fil-kontejners ikkonfermaw dan. L-ewwel kontejner instab li kienu qed iġorr 20 pakkett kokaina jiżnu 24kg u b’valur ta’ €2.7 miljuni, filwaqt li t-tieni reefer kellu 23 pakkett jiżnu 27.6kg b’valur ta’ €3.1 miljuni oħra.

Id-drogi instabu moħbija wara l-kompressur li jkessaħ il-kontejner.

Iż-żewġ kontejners kienu mgħobbija bil-frott u waqfu f’Malta fi triqthom mill-Amerka t’Isfel lejn l-Albania.

Il-każ għadda f’idejn il-Pulzija ta’ Kontra d-Droga li qed imexxu l-investigazzjoni.

Il-Maġistrat tal-Għassa fetaħ inkjesta u jinsab assistit minn esperti tat-Taqsima tal-Forensika.