Futbol Sport

Ħarsa lejn is-sitt konfronti li Spanja lagħbet kontra Malta

Il-konfront tal-lum bejn Malta u Spanja se jkun is-seba’ wieħed fl-istorja. Sa issa Spanja rebħet il-konfronti kollha bit-tim Malti jiskorja tliet gowls filwaqt li sofra 28 gowl. Ħafna jiftakru t-telfa umiljanti ta’ 12-1 li t-tim Malti kien sofra f’Sevilla iżda wieħed ma jridx jinsa l-ewwel dwell fl-1983.

L-ewwel konfront – 15 ta’ Mejju 1983

Id-data tal-ewwel konfront kienet fil-15 ta’ Mejju tal-1983. Spanja ħarġet rebbieħa 3-2 fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, bil-gowl rebbieħ jasal proprju sitt minuti mit-tmiem. Spanja kienet fetħet l-iskor fil-21 minuta bi free-kick sabiħ ta’ Senor li għeleb lil John Bonello iżda t-tim Malti ġab id-draw man-nofs siegħa meta Leli Fabri qassam tajjeb lejn Carmel Busuttil li għeleb lil Arconada b’xutt sabiħ fir-rokna.

Hekk kif kien deskritt fil-ħarġa tal-għada ta’ In-Nazzjon, “Il-ground sploda kmieni fit-tieni taqsima hekk kif ix-xutt bid-dawra ta’ Demanuele ġie salvat minn Arconada, iżda dan ma żammx biex daħal Carmel Busuttil li b’kalma tal-għaġeb tefa’ f’xibka vojta.”

Spanja ġabet id-draw mas-siegħa logħob meta wara mossa sabiħa ta’ Senor, il-ballun spiċċa għand Carrasco li tefa’ fir-rokna. L-Ispanjoli skorjaw il-gowl tar-rebħa fl-84 minuta b’finta tajba ta’ Santillana li qata’ lil kulħadd u daħal Gordillo li skorja b’xutt sabiħ.

It-tieni konfront – 21 ta’ Diċembru 1983

It-tieni konfront fissret l-akbar telfa fl-istorja tat-tim nazzjonali Malti. L-Erbgħa 21 ta’ Diċembru tal-1983 meta Spanja kellha bżonn rebħa kbira biex tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew tal-1984. Rebħa li sal-lum il-ġurnata għadha tissemma b’insistenza speċjalment mill-media Spanjola.

B’dik ir-rebħa kbira ta’ 12-1, Spanja rebħet Grupp 7 u għaddiet għall-ispejjeż tal-Olanda. Fuq in-naħa l-oħra, din it-telfa wasslet għal terremot fil-futbol Malti bil-ġurnali lokali jikkritikaw bl-aħrax dan ir-riżultat, fost spekulazzjoni kbira ta’ x’seta wassal għal dan ir-riżultat.

Sal-ewwel taqsima Spanja kienet tinsab 3-1 minn fuq, bit-tim Malti jġib id-draw momentarju fl-24 minuta permezz ta’ Michael Degiorgio. Santillana kien fetaħ l-iskor fis-16-il minuta, bl-istess plejer jagħti vantaġġ doppju lit-tim tiegħu fis-26 u fid-29 minuta.

Bil-gowl tat-tim Malti, Spanja kellha bżonn rebħa b’distakk ta’ 11-il gowl u dak li seħħ fit-tieni taqsima, b’Spanja tiskorja medja ta’ gowl kull ħames minuti. Rincon skorja r-raba’ u l-ħames gowl fis-47 minuta u għaxar minuti wara.

Doppjetta ta’ Maceda fit-62 u fit-63 minuta għamlu l-iskor 7-1 biex Rincon skorja t-tmien gowl minuta wara. Santillana għamilhom 9-1 fis-76 minuta u minuta wara tkeċċa Michael Degiorgio.

Minuta wara Rincon kompla jkabbar l-iskor biex Sarabia skorja l-11-il gowl fit-80 minuta. Il-gowl li ta l-kwalifikazzjoni lil Spanja wasal fis-86 minuta minn Senor.

B’hekk minn tmien logħbiet, Spanja u l-Olanda spiċċaw bi 13-il punt, iżda Spanja skorjat 24 gowl u sofriet 8 filwaqt li l-Olanda skorjat 22 gowl u sofriet sitt gowls, b’Spanja tgħaddi minħabba li skorjat aktar.

It-tielet konfront – 22 ta’ Jannar 1989

Kellhom jgħaddu ftit aktar minn ħames snin biex Malta u Spanja kellhom jerġgħu jiltaqgħu. Kien gowl kmieni fit-tieni taqsima li qatel it-tamiet tat-tim Malti. Spanja fetħet l-iskor fis-16-il minuta b’penalty skorjat minn Michel, biex Txiki Begiristain irdoppja l-iskor fil-50 minuta wara li kkontrolla tajjeb il-ballun, avvanza u għeleb lil David Cluett.

It-tim Malti taħt it-tmexxija ta’ Horst Heese prova jidħol fil-logħba speċjalment fl-aħħar kwarta wara li tkeċċa Manuel Sanchis, iżda l-Ispanjoli xorta baqgħu b’saħħithom tattikament biex ħonqu l-isforzi tat-tim Malti.

Minkejja t-telfa, il-pubbliku Malti li attenda bi ħġaru għal din il-logħba, kien kuntent bl-impenn tal-plejers Maltin li offrew oppożizzjoni denja lil tim Spanjol bil-wisq aħjar f’kollox.

Ir-raba’ konfront – 23 ta’ Marzu 1989

Malta lagħbet ir-raba’ konfront kontra Spanja fit-23 ta’ Marzu tal-1989. Għal darba oħra f’Sevilla iżda din id-darba l-iskor kien 4-0. Il-logħba wkoll kienet diffiċli ferm għat-tim Malti hekk kif għal madwar 50 minuta t-tim ta’ Horst Heese lagħab b’raġel anqas wara li tkeċċa Michael Degiorgio.

Fir-rapport tal-korrispondent ta’ In-Nazzjon f’Sevilla Diego Bertran, kien iddeskriva l-kontroll tar-referee Żvizzeru Sandoz bħala raġuni li kompla għarraq il-prestazzjoni tat-tim Malti. Hu kiteb li minkejja dan il-kontroll tar-referee, il-plejers Maltin xorta kellhom wirja ta’ karattru.

Spanja marret minn fuq fid-39 minuta bi free-kick ta’ Michel li kien imxellef u qarraq b’David Cluett. Michael Degiorgio tkeċċa mir-referee Żvizzeru għal fawl fuq Manolo, deċiżjoni deskritta bħala ħarxa. L-iskor sar 2-0 fit-68 minuta meta r-referee ordna penalty diskutibbli wara li ġġudika li Edwin Camilleri mess il-ballun b’idu fil-kaxxa. Wara diversi protesti, Michel skorja l-penalty.

Ħames minuti wara, Manolo skorja t-tielet gowl wara li rċieva mingħand Eloy, biex l-istess Manolo għaqqad ukoll id-doppjetta personali wara azzjoni ta’ Michel.

Il-ħames konfront – 18 ta’ Diċembru 1996

Għaddew aktar minn seba’ snin biex jintlagħab il-ħames konfront fit-18 ta’ Diċembru tal-1996. Konfront li ntlagħab fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u bħal dak li seħħ fil-konfronti preċedenti, Spanja ħarġet rebbieħa 3-0. Spikka Julen Guerrero li skorja t-tliet gowls

Spanja ħarġet tfittex il-gowl u skorjat wara tmien minuti meta minn żball difensiv, Guerrero ħa l-pussess, avvanza u b’xutt angolat li ħabat ma’ sieq il-lasta qabel spiċċa fix-xibka għeleb lil Reggie Cini. Guerrero rdoppja fis-26 minuta. Raul qassam lejn Pizzi li bir-ras laqat sieq il-lasta iżda l-ballun spiċċa għand Guerrero li kien żmarkat u skorja t-tieni gowl.

L-iskor sar 3-0 fit-33 minuta b’azzjoni mibdija mill-kowċ attwali tat-tim nazzjonali Spanjol Luis Enrique li għadda l-ballun lejn Pizzi li mill-ewwel innota lil Guerrero u żmarkah bit-takkuna biex l-Ispanjol ma kellux diffikultà jixħet fix-xibka għal gowl maħdum mill-isbaħ.

Sittax-il minuta tkeċċa għat-tim ta’ Milorad Kosanovic, Darren Debono wara daħla ma’ Manjarin. Spanja wkoll spiċċaw il-logħba b’10 plejers hekk kif ħames minuti mit-tmiem tkeċċa Amor wara daħla fuq Ivan Zammit.

Is-sitt konfront – 12 ta’ Frar 1997

Is-sitt u l-aħħar konfront milgħub qabel il-logħba tal-lum seħħ fit-12 ta’ Frar tal-1997 f’Alicante, b’Spanja tirbaħ 4-0 quddiem 30,000 spettatur. It-tim Malti kien organizzat difensivament u rari nqala’ mill-fażi difensiva, bl-Ispanjoli jibnu attakk wara l-ieħor.

Spanja fetħet l-iskor wara 25 minuta meta kien il-manager attwali ta’ Manchester City Pep Guardiola li rċieva mingħand Alfonso, daħal fil-kaxxa u għeleb lil Reggie Cini. L-Ispanjoli żiedu ieħor qabel tmiem l-ewwel taqsima b’Raul jaħdem it-tieni gowl meta għadda bejn Hubert Suda u Noel Turner u żmarka lil Alfonso li ma kellux problema jegħleb lil Cini.

Spanja kellha bidu mill-aqwa għat-tieni taqsima u skorjat it-tielet gowl fis-47 minuta meta reġa’ kien Alfonso Perez li skorja wara li Cini kien ħareġ ħażin wara free-kick ta’ Guardiola. Juan Antonio Pizzi skorja r-raba’ gowl fit-93 minuta meta skorja mir-rebound wara li Cini kien salva parzjalment daqqa ta’ ras ta’ Julen Guerrero.

Il-konfronti preċedenti

Fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 1984

15 ta’ Mejju 1983 – Malta v Spanja 2-3

Fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 1984

21 ta’ Diċembru 1983 – Spanja v Malta 12-1

Fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 1990

22 ta’ Jannar 1989 – Malta v Spanja 0-2

Fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 1990

23 ta’ Marzu 1989 – Spanja v Malta 4-0

Fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 1998

18 ta’ Diċembru 1996 – Malta v Spanja 0-3

Fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 1998

12 ta’ Frar 1997 – Spanja v Malta 4-0