Lokali Qorti

Tnejn bi problemi ta’ droga li rriformaw ruħhom ma jintbagħtux il-ħabs

F’żewġ sentenzi storiċi li ngħataw b’mod separat fil-konfront ta’ żewġ t’irġiel fuq każ ta’ traffikar ta’ droga, deċiżi mill-Qorti tal-Maġistrati, minkejja li normalment dawn jispiċċaw jgħaddu ġuri, b’sentenza minima ta’ erba’ snin ħabs u massima ta’ għomor il-ħabs, dawn ma ntbagħtux il-ħabs għax irriformaw ruħhom.

Denis Borg ta’ 41 sena u Jason Abela ta’ 47 sena, t-tnejn mill-Qawra, minkejja li nstabu ħatja ma ġewx kundannati sentenzi ta’ ħabs effettivi, dan wara l-att 1 tal-2015 ta’ persuni dipendenti fuq id-droga, li għandhom jingħataw trattament u mhux jispiċċaw il-ħabs.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri kkunsidrat il-fatt dwar kif qed jgħix Borg, illum. Mix-xhieda ħareġ li“illum għandu ħanut, “he is a bread winner”, qed jissaportja l-familja u u anke jissaportja lil “close relatives” tiegħu, jiġifieri jħaddem persuni li jiġu minu.

Jeanne Calí, li tirrappreżenta il-Caritas qalet li l-ewwel darba li l-imputat mar il-Caritas kien fis-16 ta’ Dicembru 2010. Qalet li beda jagħmel kampjuni tal-pipi u li kien dipendenti fuq il-kokaina. Iddeskrievitu wkoll li kien “a heavy user”.

Jeanne Calí kienet reggħet xehdet fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016 fejn spjegat li l-imputat kien  ghaddej minn dipressjoni qawwija ghal raguni lihu u l-mara ma setghax ikollhom tfal u qalet li din tagħtu ġewwa ħafna. Tgħid li f’dan iż-żmien Borg beda juża l-kokaina sabiex jipprova jinsa’.

Tixhed li fl-ahhar erba’ snin l-imputat kien “clean” mid-droga peress li huwa baqa’ jmur regolari għal kampjuni tal-pipi. Fis-seduta tas-16 ta’ Marzu 2016, id-difiża esebiet ċertifikat datat 26 ta’ Ġunju 2015 li ngħata lil Borg mill-Caritas talli spiċċa b’suċċess dak li jissejjaħ “New Hope Rehabilitation Programme”.  

Il-Qorti qieset ukoll l-aħħar nota mibgħuta mill-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga fejn ir-riabilitazzjoni ntemmet b’success. “Mr. Dennis Borg, b’mod konsistenti qed jagħmel programm u jikkolabora, u fil-ġimgħa mit-testijiet li qed jagħmel qed jirriżulta li huwa nadif mid-droga.

Huwa ggradwa wkoll mill-programm“Caritas New Hope” u li issa huwa re-abbilitat fis-soċjeta’ li huwa persuna normali li jobdi s-soċjeta. Borg huwa kunsidrat bħala storja ta’ suċċess u mudell għal kull min jagħmel programm. Huwa nvesta f’ħafna xogħol u għandu diversi responsabbilitajiet li qed jimmaniġġjahom tajjeb. Għandu relazzjoni tajba fosthom ma uliedu.  Il-Qorti kkundannatu €1,000 multa u 16-il xahar ħabs sospiżi għal perjodu ta’ tliet snin. Dwar Jason Abela, dan ukoll storja ta’ suċċess. F’Awwissu tal-2002 il-Pulizija rċeviet informazzjoni li Abela seta’ kien qed jittraffika d-droga mill-appartament tiegħu. Pulizija spjega li kien ta ħames struzzjonijiet biex isiru xi osservazzjonijiet, fejn fil-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Awwissu 2002,  l-imputat kien deher javviċina lil Kevin Brincat, fejn meta telaq minn fuq il-post Brincat kellu fil-pussess tiegħu sustanza suspettata droga eroina, li skont Brincat kien xtara minn ghand Jason Abela magħruf bħala “Il-Bennej”.

Ingħad li aktar tard l-imputat ġie osservat jagħmel kuntatt ma’ vettura, liema vettura ġiet segwita mill-Pulizija u li eventwalment twaqqfet. Jispjega li din il-vettura kienet qed tinstaq minn Caroline Magri u li magħha kien hemm Helen Irene Gatt, u li nstabet fil-pussess ta’ sustanza kannella suspettata eroina.

Il-Pulizija qal li Helen Irene Gatt qaltlu li l-eroina kienet għall-użu tagħha u li kienet xtratha minn ghand l-imputat. Fis-26 ta’ Awwissu 2002, il-Pulizija lemħet lil Terry Graham li wara li twaqqaf instab fil-pussess ta’ sustanza suspettata droga eroina fejn qal li d-droga kienet għalih pero’ ma riedx jgħid minn fejn kien xtraha.

Jispjega li l-osservazzjonijiet tkomplew u li għall-ħabta tan-nofs siegha tas-26 ta’ Awwissu 2002 deher Stephen Zammit jagħmel kuntatt m’ Jason Abela, li meta gie mwaqqaf instab f’pussess ta’ droga eroina u li qallu li d-droga kien xtraha l-ġurnata ta’ qabel minn għand l-imputat u li dakinhar kien mar biex jagħti xi flus li kien baqagħlu jagħti lill-imputat.   

Fit-8 ta’ Mejju 2007, xehed Kevin Brincat fejn ikkonferma li madwar darbtejn kien xtara d-droga eroina minn għand Jason Abela, u kien iħallsu Lm10.00 (23 euro) għall-pakkett. Jgħid li biex jinqeda kien iċempel lil Jason Abela li kien jgħidlu biex imur d-dar. Il-Qorti wara li sabet lil Jason Abela hati tal-akkui kollha miġjuba fil-konfront tieghu u kkundannatu ħlas ta’ multa ta’ €500 u għall-perjodu ta’ 12 il-xahar priġunerija sospiżi għal perjodu ta’ sentejn.  

Il-Qorti tagħat din is-sentenza wara li nota mibgħuta mill-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga ntemm b’suċċess, fejn ingħad:

“Jason sejjer tajjeb ħafna u li jinsab stabbli ħafna f’ħajjtu. Fil-preżent m’għandu l-ebda problema tad-droga. Qed jimxi ‘l quddiem ħafna u l-problema issa hija warajh fejn kompla miexi ‘l quddiem grazzi għas-“Sedqa” fejn qed jattedni b’mod regolari filwaqt li Joanne Buhagiar Fiott esebiet dokument  dwar il-progress tiegħu fejn issa huwa bniedem bla problemi. Fiż-żewġ każi il-Qorti ordnat d-distruzzjoni tad-droga esebita. Għaż-żewġ irġiel deher l-Avukat Joseph Giglio.