Hibernians se jkunu qed jippruvaw jirbħu l-BOV knock-out għat-tieni sena konsekuttiva meta jilagħbu kontra Depiro, f’dik li se tkun it-53 edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni.
Roderick Vella qal li bħala tim Hibernians komplew jibnu fuq is-sena li għaddiet hekk kif żammew l-istess skwadra tas-sena l-oħra għajr l-introduzzjoni ta’ Ivan Demcesen.
Il-plejer ta’ esperjenza żied li minħabba li l-Ħadd li għadda kellhom konfront diffiċli li fih riedu jassiguraw l-ewwel post fil-play-offs, bdew jaħsbu għal din il-logħba minn din il-ġimgħa. Vella jemmen li l-abbiltà fiżika ta’ Depiro hi aħjar u għalhekk iridu jsibu modi kif jistgħu jikkontrollaw din is-saħħa tal-avversarji.
Il-kowċ ta’ Depiro Julian Naudi fl-ewwel staġun tiegħu fit-tmexxija tat-tim qal li l-kwalifikazzjoni għall-finali tan-knock-out hu premju ta’ dak li għamlu f’dan l-istaġun wara d-diżappunt li ma avvanzawx għall-play-offs fil-kampjonat. Matul l-istaġun, Depiro għelbu lil kull tim u dan il-fatt ikompli jqawwi qalb Naudi li l-Ħadd li ġej jistgħu jiksbu rebħa fuq Hibernians.
Il-plejer ta’ Depiro Omar Said qal li fis-semifinali kontra Gżira Athleta urew il-qalb biex baqgħu b’ċans li jirbħu l-unika unur f’dan l-istaġun. Said li għandu 38 sena, kompla li minbarra hu u l-kowċ, ħadd qatt ma lagħab finali u għalhekk kollha jinsabu eċċitati u għatxana li jirbħu.
Il-membru tal-kumitat ta’ Hibernians Anthony Cassar qed iħares lejn din il-finali bħala opportunità oħra li jirbħu unur u fl-istess tim jkun l-ewwel pass biex jerġgħu jirbħu l-kampjonat.
Il-President tal-MBA Paul Sultana għamel referenza wkoll għad-deċiżjoni li ttieħdet il-ġimgħa l-oħra biex mill-istaġun li ġej in-numru ta’ barranin fl-Ewwel Diviżjoni tal-irġiel jonqos minn tlieta għal tnejn filwaqt li fil-kampjonat tan-nisa l-barranin jonqsu għal wieħed.
Hu qal li din id-deċiżjoni ttieħdet biex ikun hemm aktar opportunità għall-plejers Maltin, anki jekk b’detriment għall-kwalità. Id-deċiżjoni kienet kważi unanima hekk kif għajr klabb wieħed kollha qablu mad-deċiżjoni.
Fuq dan is-suġġett, Roderick Vella qal li għalkemm il-plejers Maltin kellhom jgħollu l-livell, min għadu li l-plejers li għadhom mhux stabbiliti, kienu qed ibatu minħabba li ftit kienu jilagħbu.
Peter Perotti f’isem il-Bank of Valletta qal li huma ilhom jagħtu l-appoġġ tagħhom lil basketball lokali fejn anki huma impenjati li jgħinu fil-Corporate Social Responsibility.
//= $special ?>