Il-Gvern Soċjalista m’għandu l-ebda pjan ħalli l-ħaddiema li jkollna f’pajjiżna jkunu ħaddiema li jaħdmu xogħol ta’ kwalità.
Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ. Hu nnota li l-miżuri short term ta’ Kastilja qed iwasslu biss għal influss ta’ barranin li jaqilgħu pagi iktar baxxi mill-Maltin.
Dan bil-konsegwenza li jispiċċaw preferuti fuq il-Maltin, fl-istess waqt li l-popolazzjoni qed tikber b’rata mgħaġġla tant li qed toħloq pressjoni enormi fuq diversi setturi lokali.
Fid-diskors tiegħu, Adrian Delia għamel enfasi fuq il-bżonn li pajjiżna jattira setturi ġodda ta’ servizzi ta’ kwalità biex l-ekonomija tagħna tkompli tikber b’rata tajba iżda fl-istess waqt sostenibbli … u mhux biss billi niddependu fuq l-importazzjoni massiċċa tal-ħaddiema barranin.
Iżda biex isir dan, Adrian Delia appella li tkun imħarsa r-reputazzjoni ta’ pajjiżna; xi ħaġa li bid-deċiżjonijiet ta’ Gvern Soċjalista mhix tiġri – kif jixhdu r-rapporti tal-IMF, il-Country Report tal-Kummissjoni Ewropea, il-Moneyval u oħrajn li taw daqqa ta’ ħarta wara l-oħra lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Adrian Delia appella biex ir-rakkomandazzjonijiet diversi li rċieva pajjiżna, b’mod speċjali mill-Kummissjoni Venezja, jiġu implimentati immedjatament, u mhux il-Gvern jibqa’ jipposponi sakemm issir ir-riforma Kostituzzjonali.
Adrian Delia wiegħed li jekk il-Gvern għandu r-rieda tajba li jtejjeb ir-reputazzjoni ta’ Malta, se jsib lill-Partit Nazzjonalista jappoġġjah.