“Madwar ħames mitt persuna f’Malta jitilfu parti minn saqajhom kull sena. Id-dijabete hi problema serja li qed taffettwa l-istil ta’ ħajja ta’ eluf ta’ persuni, u li għalhekk irridu niġġielduha b’saħħitna kollha.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara żjara fil-laboratorji tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa (FHS) fejn iltaqa’ mar-riċerkaturi Prof. Cynthia Formosa u Dr. Alfred Gatt, li huma l-fundatriċi u ċ-Chairman rispettivi tal-Grupp ta’ Riċerka tad-Dijabete fis-Sieq fl-Università ta’ Malta.
Ir-riċerkaturi tkellmu dwar il-bżonn li jkollna informazzjoni aktar aġġornata, u informazzjoni dwar nies bid-dijabete f’Malta. Zammit Dimech, li hu l-Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-UE dwar id-Dijabete fil-Parlament Ewropew, fakkar kif aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet, il-Maniġer Reġjonali tar-Reġjun tal-Ewropa tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete (IDF) ukoll sostna li għandu jkun hemm aktar informazzjoni dwar id-dijabete fl-UE. Zammit Dimech żied jgħid li dan hu kruċjali, mhux biss għax-xjentisti, imma anke għal min jagħmel il-politika, biex jieħdu azzjonijiet konkreti. Diversi persuni li għandhom id-dijabete ma jafux bil-kundizzjoni tagħhom. Dan ukoll ġie diskuss waqt il-laqgħa, fejn issemmiet il-possibilità ta’ screening ibbażat fuq il-popolazzjoni u reġistru estensiv tad-dijabete li jiffaċilita li l-informazzjoni tkun skambjata fl-UE.
Zammit Dimech għamel żjara fil-laboratorji u seta’ jara riċerka riċenti li qed issir fil-laboratorji bl-assistenza ta’ apparat sofistikat f’kollaborazzjoni ma’ universitajiet fir-Renju Unit. Hu ngħata informazzjoni dwar is-servizzi li jipprovdi l-grupp ta’ riċerka lill-Isptar Mater Dei. Zammit Dimech irringrazzja lir-riċerkaturi għall-ħidma tagħhom u tkellem dwar l-importanza jingħata rikonoxximent mistħoqq lil din ir-riċerka.
Zammit Dimech insista għal aktar investiment fir-riċerka. Hu fakkar kif tim ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta sabu metodu ta’ screening inqas invażiv li jista’ jinduna jekk hemmx il-kanċer fi stadju aktar bikri. “Dan jikkonferma li f’Malta għandna riċerkaturi ta’ ħila kbira li jistgħu jwasslu għal riżultati importanti jekk jingħataw l-aqwa għodod u appoġġ. Anke jekk aħna pajjiż żgħir u għandna numru żgħir ta’ riċerkaturi, xorta nistgħu nħallu l-marka tagħna fuq livell Ewropew,” żied jgħid. Zammit Dimech qal li dan hu aktar bżonnjuż meta l-indikazzjoni hi li d-dijabete f’Malta, li bħalissa taffettwa 18% tal-popolazzjoni, qed tiżdied.
Filwaqt li faħħar it-tnaqqis fl-amputazzjonijiet matul l-aħħar għaxar snin, Zammit Dimech qal li n-numri huma għoljin u li hemm bżonn ta’ aktar ħidma mill-istakeholders f’din il-ġlieda kontra din l-epidemija silenzjuża. Skont il-grupp ta’ ħidma internazzjonali dwar id-dijabete fis-saqajn, kull 20 sekonda, parti t’isfel tas-sieq ta’ persuna tkun amputata minħabba d-dijabete. 85% tal-amputazzjonijiet kollha huma kkawżati minn ulċera fis-sieq u jistgħu jkunu evitati. F’Malta, l-maġġoranza tal-amputazzjonijiet huma marbuta mad-dijabete.
Matul l-aħħar sena, Zammit Dimech għamel 5 appelli lill-Gvern dwar-dijabete. Dan wassal biex jiġu pprovduti continuous glucose monitors b’xejn lit-tfal, l-introduzzjoni ta’ kumitat parlamentari biex jiddiskuti d-dijabete, kif ukoll ġiet impjegata infermiera tad-dijabete fl-Isptar ta’ Għawdex. Bħalissa, hu qed jiltaqa’ mal-istakeholders u fil-jiem li ġejjin se jkun qed jippreżenta dokument bi proposti dwar il-ġlieda kontra d-dijabete. “Id-dijabete se jibqa’ prijorità għalija fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew,” żied jgħid Zammit Dimech.
//= $special ?>