Numru ta’ ħaddiema f’Monte Karmeli kienu jingħataw xogħol li mhux suppost jagħmlu, hemm dubji serji fil-kwalita’ li bih isir it-tindif, ma nstab l-ebda kuntratt formali, filwaqt li l-Gvern Soċjalista kien indaħal direttament sabiex ġew ingaġġati ċertu individwi.
Huma dawn uħud mill-konklużjonijiet serji li jagħmel l-Awditur Ġenerali wara rapport li fih ġie analizzat il-kuntratt tas-servizzi klerikali f’Monte Karmeli – fejn uħud minn dawn, spiċċaw jagħmluha ta’ securities, jew saħansitra jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tas-swali.
Ir-rapport tal-NAO jitfa ukoll “dubji” fuq il-livell tal-ħaddiema ingaġġati u s-servizz mogħti lill-pazjenti ta’ Monte Karmeli.
Id-dettalji tar-rapport tal-NAO
L‑Awditur Ġenerali Charles Deguara llum ippreżenta lill‑Ispeaker tal‑Kamra tad‑Deputati Anġlu Farrugia r‑rapport tal‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Verifika (NAO), A Review on the Contract for Mount Carmel Hospital’s Outsourced Clerical Services. Dan ir-rapport primarjament iffoka dwar il-kuntratt li jiggverna s-servizzi klerikali fl-Isptar Monte Karmeli (MCH) u kif dan qed jiġi utilizzat u mmaniġġjat.
Fil-perjodu ta’ dan l-istudju, MCH kien qed jixtri servizzi klerikali għal sena permezz ta’negotiated procedure peress li tender ġdid ma kienx laħaq ingħata qabel l-iskadenza tal-kuntratt oriġinali f’Lulju tal-2018. Din l-analiżi uriet ukoll numru ta’ difetti fid-disinn tal-kuntratt fosthom in-nuqqas ta’ mezzi li bihom tista’ titkejjel il-prestazzjoni.
L-NAO nnota wkoll li l-isptar m’għandux persuna uffiċjalment responsabbli mill-kuntratt innifsu u dan ipoġġi lill-istess sptar f’pożizzjoni żvantaġġjata meta jiġi biex jaċċerta l-implimentazzjoni ħolistika ta’ dan l-arranġament. Għalkemm dan il-kuntratt jistipula l-ingaġġ ta’ madwar 60 full-time equivalents (FTE), l-isptar kien qed jimpjega 134 FTE f’Settembru tal-2018.
L-NAO però nnota li 47 minn dawn il-ħaddiema, għalkemm ingaġġati b’kuntratt li jkopri servizzi klerikali, kienu minflok qed jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni jew ta’ sigurtà. Dan l-istudju wera wkoll kif uffiċjali tal-gvern kienu involuti direttament fir-riferiment ta’ individwi sabiex dawn jiġu impjegati mill-kuntrattur u assenjati biex jaħdmu f’MCH.
Minbarra dan, l-Uffiċċju nnota wkoll li filwaqt li l-iskrivani assenjati xogħol klerikali kienu ta’ kwalità aċċettabbli, uħud minn dawk li kienu qed jagħmlu xogħol mhux klerikali ma kinux qed jilħqu l-livelli mistennija ta’ prestazzjoni fix-xogħol tagħhom. Dan it-tħassib isir iktar sostanzjali meta wieħed jikkunsidra l-asserzjoni tal-management ta’ MCH, li l-isptar isibha diffiċli ħafna jitlob li jinbidlu n-nies li ma jkunux qed jilħqu livell ta’ prestazzjoni mixtieq peress li jkun irreferiehom lill-kuntrattur hu stess. Għalkemm din l-analiżi kienet iffukata fuq il-kuntratt tas-servizzi klerikali, waqt dan l-istess studju l-NAO għamel ukoll numru ta’ osservazzjonijiet fuq l-arranġament għax-xiri tas-servizzi ta’ tindif f’MCH.
F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju sab li: is-servizz ta’ tindif kien mixtri permezz ta’ sejħa għall-kwotazzjonijiet anke jekk il-prezz ta’ dan is-servizz kien jaqbeż il-limitu finanzjarju allokat għal dan il-metodu ta’ xiri; m’hemm l-ebda kuntratt formali jew dokumentat għax-xiri ta’ dan is-servizz; numru ta’ individwi ingaġġati b’dan l-arranġament ġew assenjati xogħol li mhux relatat ma’ tindif; u li l-kwalità ta’ dawn l-individwi kif ukoll dik tal-prodotti ta’ tindif użati f’MCH kienet dubjuża.