Lokali

Jeħtieġ azzjoni biex tissaħħaħ ir-reputazzjoni u l-istituzzjonijiet internazzjonali ma jħarsux lejn Malta bħala tax haven

“Jeħtieġ li tittieħed azzjoni konkreta biex terġa’ tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u biex l-istituzzjonijiet ikunu verament ħielsa, għax bl-għemil tal-Gvern Laburista, l-istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej bdew iħarsu lejn Malta bħala tax haven.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’Ħaż-Żebbuġ bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li mir-rapport tal-Moneyval, li huwa kumitat magħmul mill-esperti, pajjiżna weħel fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Huwa qal li meta bdew iqumu l-mistoqsijiet dwar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, dwar il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, bdew isiru l-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet internazzjonali u wieħed wara l-ieħor il-konklużjonijiet tar-rapporti tagħhom urew li pajjiżna m’għadux serju. Dan minħabba l-għemil tal-Gvern li ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u meta l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fetħu strutturi ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama. Huwa qal li l-liġijiet ma jiswewx meta l-Pulizija, l-FIAU, l-Avukat Ġenerali u l-MFSA jinsabu kkontrollati u ma jitħallewx jagħmlu xogħolhom.

Delia qal li jeħtieġ li immedjatament jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex titħares ir-reputazzjoni biex ma jkunx hemm riperkussjonijiet għaliex jekk ir-rapport tal-Moneyval jiġi approvat, pajjiżna se jispiċċa fil-lista s-sewda proviżorja, b’konsegwenzi serji fuq setturi importanti għall-ekonomija tagħna. Huwa qal li organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn ukoll ikkritikaw in-nuqqas ta’ ħeġġa tal-Gvern biex jiġġieled il-korruzzjoni fosthom Transparency International li urew kif pajjiżna sejjer lura bil-kbir fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-Kummissjoni Ewropeja li qalet li pajjiżna mhux qed jagħmel biżżejjed biex jiġġieled l-ħasil ta flus u l-Fond Monetarju Internazzjonali li kkonferma kif l-istituzzjonijiet m’humiex indipdendenti mill-Gvern u li jaħdmu kif u meta jiġbed l-ispaga l-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li quddiem dan kollu flok jieħu azzjoni l-Gvern qiegħed jipprova jgħid li dan huwa tort ta’ min jitkellem kontra l-korruzzjoni, meta t-tort huwa ta min jagħmel il-ħażin u jipprova jaħbih u mhux ta’ min jitkellem favur is-sewwa u l-ġustizzja. Huwa qal li filwaqt li fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti kulħadd kien jaf bir-reputazzjoni, s-serjetà u l-fama tajba ta’ Malta, l-Gvern Laburista kisser il-kredibilità u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Adrian Delia qal li f’Mejju l-poplu għandu l-opportunità li jibgħat il-messaġġ li jrid li l-affarijiet jinbidlu u li jrid li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna terġa’ tissaħħaħ. Jekk ma nbiddlux id-direzzjoni nkunu qegħdin nibgħatu l-messaġġ li kuntenti b’dak li għaddej u li ma jimpurtaniex minn dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna.