Sport Sport Ieħor

Jitilgħu l-poloz għall-edizzjoni tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu tal-Ħadd li ġej

Partitarji u qaddiefa ta’ Birżebbuġa jiċċelebraw is-suċċess tagħhom

Illum fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera telgħu l-poloz tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu li hi skedata li ssir fil-Port il-Kbir il-Ħadd wara nofsinhar. Il-programm jibda fin-12.30pm bl-ewwel tellieqa se tkun tan-nisa li se jikkompetu fid-distanza normali tal-irġiel. Hu skedat li t-tmiem ta’ din l-edizzjoni tar-Regatta tkun bejn il-ħabta tal-4.30pm u l-5.00pm.

Il-programm se jkun simili għal dak tal-aħħar snin, b’ħamest itlielaq f’Kategorija Open u ħamsa f’Kategorija B. Dawn huma Tal-Midalji, Frejgatini, Tal-Pass b’żewġt imqadef, Kajjikki u tal-Pass b’erbat imqadef.

Din l-aħħar tellieqa tkun l-aktar mistennija minħabba li r-rebbieħ jikseb 24 punt. L-isfida diretta mistennija tkun bejn id-distretti ta’ Birżebbuġa u Bormla. Inċidentalment dawn it-tnejn se jibdew l-aħħar tellieqa fil-korsiji 1 u 2. Id-distretti l-oħra jistgħu joffru sfida f’xi tlielaq hekk kif kollha pruvaw jissaħħu.

Birżebbuġa rebħu l-aħħar edizzjoni tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu f’dak li kien it-tieni suċċess tagħhom fl-istorja wara s-suċċess tal-2015. Bormla kienu rebħu l-Kategorija B.

Il-poloz ittellgħu mill-President tal-assoċjazzjoni Stephen Paris u mis-Segretarju Parlamentari Responsabbli mill-isport Clifton Grima. Għal edizzjoni oħra se jkun hemm seba’ distretti parteċipanti. Dawn huma l-Birgu, Birżebbuġa, Bormla, Kalkara, Marsa, Marsamxett u Senglea.

Emblema ġdida għall-assoċjazzjoni

L-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor ippreżentat ukoll l-emblema uffiċjali ġdida tal-istess assoċjazzjoni. Josepha Mercieca hi r-rebbieħa tal-kompetizzjoni li kienet taħt ir-responsabbiltà ta’ Ryan Bonett. L-għażla finali saret mill-klabbs kollha wara li l-kumitat responsabbli kien għażel il-finalisti.

L-assoċjazzjoni ħadmet ukoll biex isir restrawr fuq iż-żewġ shields. Saret ukoll shield tan-nisa li se tintiret minn sena għall-oħra.

Il-Poloz kollha

Tellieqa tan-nisa Frejgatini – 1. Kalkara, 2. Marsamxett, 3. Bormla, 4. Senglea, 5. Birżebbuġa, 6. Marsa, 7. Birgu

I Tiġrija Kategorija B Dgħajjes tal-Pass – 1. Bormla, 2. Marsamxett, 3. Birżebbuġa, 4. Birgu, 5. Kalkara, 6. Marsa, 7. Senglea

II Tiġrija Kategorija A Tal-Midalji – 1. Senglea, 2. Marsamxett, 3. Birżebbuġa, 4. Birgu, 5. Bormla, 6. Marsa, 7. Kalkara

III Tiġrija Kategorija B Kajjikki – 1. Bormla, 2. Marsa, 3. Birżebbuġa, 4. Birgu, 5. Marsamxett, 6. Kalkara, 7. Senglea

IV Tiġrija Kategorija A Frejgatini – 1. Marsamxett, 2. Birżebbuġa, 3. Kalkara, 4. Senglea, 5. Marsa, 6. Bormla, 7. Birgu

V Tiġrija Kategorija B Tal-Midalji – 1. Marsamxett, 2. Birgu, 3. Birżebbuġa, 4. Senglea , 5. Bormla, 6. Kalkara, 7. Marsa

VI Tiġrija Kategorija A Tal-Pass b’żewġt imqadef – 1. Marsamxett, 2. Birgu, 3. Kalkara, 4. Birżebbuġa, 5. Bormla, 6. Senglea, 7. Marsa

VII Tiġrija Kategorija B Frejgatini – 1. Birżebbuġa, 2. Bormla, 3. Kalkara, 4. Birgu, 5. Marsamxett, 6. Marsa, 7. Senglea

VIII Tiġrija Kategorija A Kajjikki – 1. Kalkara, 2. Birżebbuġa, 3. Senglea, 4. Marsa, 5. Bormla, 6. Marsamxett, 7. Birgu

IX Tiġrija Kategorija B Tal-Pass b’erbat imqadef – 1. Marsamxett, 2. Kalkara, 3. Marsa, 4. Bormla, 5. Senglea, 6. Birżebbuġa, 7. Birgu

X Tiġrija Kategorija A Tal-Pass b’erbat imqadef – 1. Birżebbuġa, 2. Bormla, 3. Birgu, 4. Marsa, 5. Marsamxett, 6. Kalkara, 7. Senglea

Tags