Bob Higgins, li l-ewwel fl-1989 u wkoll bejn l-1992 u l-1994 kien jifforma parti mill-istaff tal-Malta Football Association – 1900, ġie deskritt f’Qorti fir-Renju Unit bħala “pedoflu predatorju li qatta’ 25 sena jara kif se jabbuża lit-tfal.”
Iżda minkejja t-twissijiet li l-MFA kellha f’dak iż-żmien, Higgins xorta waħda spiċċa jaħdem mal-MFA f’deċiżjoni li wasslet biex numru ta’ plejers lokali, skont il-verżjoni tagħhom lill-midja, ukoll spiċċaw vittmi tal-abbuż tiegħu.
Replay (Net Television) ikkuntattja lil Pippo Psaila, li għal sentejn (1991-1992) kien il-kowċ tat-tim nazzjonali fl-istess żmien li issa sar magħruf li Higgins kien għadu għaddej bl-abbużi.
“Meta l-MFA ikkuntattjat lil Higgins lura fis-snin 90, kuntatti internazzjonali tiegħi kienu wissewni li hu jfisser biss inkwiet propju minħabba dak li qed joħroġ fil-Qorti. Kont ikkuntattjajt anke lil Charles Hughes, li kien il-Kap tas-Settur tal-Coaching tal-FA Ingliża u hu wkoll qalli biex inżommu bogħod minnu.”
Psaila kien ikkopja lill-MFA fir-risposta ta’ Hughes, iżda jidher li t-twissijiet ġew injorati tant li reġa’ ħa l-kariga wara sentejn sospensjoni u kien biss fl-1994 li l-MFA itterminat ir-relazzjoni tagħha ma’ Higgins minkejja li hu xtaq mod ieħor.
Issa qed jaffaċċja proċess ieħor tant li fir-Renju Unit fl-aħħar jiem kompla l-każ fil-konfront tiegħu, fejn jinsab akkużat li qatta’ 25 sena jabbuża mit-tfal, li wħud minnhom kellhom biss 11-il sena, billi abbuża mill-aċċess għalihom li kellu grazzi għall-pożizzjoni tiegħu fil-futbol.
Rapporti fil-midja internazzjonali saħansitra jindikaw li Higgins ġie jaħdem f’Malta, fejn saħansitra xtara proprjetà, propju għaliex kien qed jirrealizza li se jinqabad u ried jaħrab l-attenzjoni tal-midja internazzjonali.
Meta ħarġu l-ewwel akkużi fl-2016, il-President attwali Norman Darmanin Demajo mmedjatament sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet fejn appella għall-informazzjoni u ħeġġeġ biex vittmi potenzjali jirrapportaw dak li għadda minnu.
Minn dak iż-żmien, inkluż issa taħt it-tmexxija tal-President Norman Darmanin Demajo, kull persuna li tiġi impjegata mill-MFA qed tkun ivvettjata b’mod rigoruż anke grazzi għall-ħatra ta’ Safeguarding Officer.
//= $special ?>