Meta kien qed jieħu sehem fid-diskussjoni dwar ir-Riforma fil-Kunsilli Lokali. Id-deputat Nazzjonalista Anthony Bezzina qal li din hi riforma li għalkemm setgħet tħalli ġid kbir fil-qasam tal-Kunsilli Lokali, f’ ċertu istanzi, minflok mexxejniehom il-quddiem, aktar tfajnihom lura
Tenna li reġġajna l-arloġġ lura għal 25 sena ilu u dorna ċirku tond u erġajna ġejna minn fejn tlaqna. Qal li minkejja li qatt ma kien kunsillier, kellu x-xorti jaħdem, anke minħabba il-professjoni tiegħu ta’ Perit, ma bosta minnhom għal dawn l-ahhar 25 sena.
Kunsilli Lokali kemm min naħa t’ isfel,miċ-ċentru u min naha ta’ fuq ta’ Malta kif wkoll Kunsilli Għawdxin Kemm kunsilli mmexija minn maġġoranza Nazzjonalista kif wkoll Kunsilli mmexija minn maġġoranza Laburista.
Bezzina qal li pero kumment wieħed jista’ jagħmel fuq il Kunsilli kollha li rnexxielu jaħdem magħhom. Li fil-maggor parti assoluta tagħhom, dejjem ġabu l-interess tal-lokalita tagħhom u tar-residenti qabel l-interessi partiġġani tal-Partit politiku li jirrapreżentaw
U din kienet ir-raġuni prinċipali għaliex il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ra li jiddiċentralizza l-poteri tiegħu u jvestihom fil-Kunsilli Lokali Għax dawn huma l-aktar organu viċin in-nies tal-lokalita li jgħixu fiha. Kuntrarjament għal dak li ġara f’ dawn l aħħar sitt snin, fejn bi skuża jew oħra, il-Gvern Laburista naqqar mill-Kunsilli Lokali kważi r-responsabbiltajiet kollha li kellhom u rnexxielu jreġġa l-arloġġ lura għal żmien it-tmeninijiet.
Bezzina qal li għandna sitwazzjoni fejn bi skuża jew oħra, il-Gvern Laburista reġa għal darba oħra iċċentralizza il-poteri kollha fi ħdan il-Gvern Ċentrali u dak li għamel Gvern Nazzjonalista f’ 25 sena ħassru f’ sitt snin.
Fid-diskors tieghu, l-kelliem għamel referenza għad-diversi punti li qajjem il-Ministru Ian Borg fid-diskors tiegħu b’ referenza ghal din il-ligi. Diskors li nissilu dubju jekk f’ dawn l-ahhar 25 sena, hu u l-Ministru kienux jgħixu fuq l-istess gżira jew le.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Ian Borg għamel referenza għal kelma konsultazzjoni fejn qal: “il-Gvern ikkonsulta lil kulħadd, il-Gvern ikkonsulta lil kull min hu kkonċernat sew jekk entitajiet li huma direttament involuti mal-kunsilli lokali, sew jekk il-partiti politiċi kif ukoll l-entitajiet u l-organizzazzjonijiet l-oħrajn rispettivi, saret ukoll konsultazzjoni pubblika… il-konsultazzjoni ġabret xi jrid il-poplu”.
Bezzina qal li pero il-Malti jghid: ‘Mill-kliem ghal fatti hemm baħar jikkumbatti’ . Min jisma lil Ministru Ian Borg jitkellem jaħseb li il-Gvern Laburista hu xi paladin tal-konsultazzjoni Pero ma tridx tkun xi ġenju biex tirrealia li għal dan il-Gvern id-defenizjjoni tal-kelma‘konsultazzjoni’ dawwara f’ dik ta’ ‘informazzjoni’: zewg kelmiet distinti b’ defenizzjonijiet differenti.
Lil Kunsilli Lokali, miflok tagħhom l-għajnuna kollha neċessarja pero ħalliehom l-għodda biex jieħdu d-deċiżjonijiet huma, ġabhom bħal kelb bla snien. Minflok lil Kunsilli Lokali tagħhom l-għodda u l-finanzi biex ikunu jistgħu jkomplu jieħdu dawk id-deċiżjonijiet biex ikomplu jsebbħu raħal jew belt twelidhom u jilqgħu għal bżonnijiet tar-residenti tal-lokalita tagħhom, ġab lil Kunsilli u lir-residenti tallaba tal-Gvern u tal-Ministru.
Fid-diskors tieghu il-Ministru Ian Borg għamel referenza wkoll għall-iskema tal-Pubic Private Partnership. Li ma qalx il-Ministru hu li b’ din li skema, flimkien ma skemi oħra li kien ħareġ Gvern Nazzjonalista, minflok kienu jiġu minfuqa flus fuq ‘patching’ li wara sena kien ikollok terġa tagħmlu ghax hi soluzzjoni temporanja, il-Kunsilli Lokali ingħataw l-opportunita li bil-flus li kienu jintefqu fuq disa’ snin biex jiġu ippaċċjati it-toroq, dawn it-toroq kien ingħatalhom wiċċ bit-tarmak u saru darba għal dejjem.
Ghadu ma ndunax il-Ministru Ian Borg illi se jkollu jghamel 290 triq residenzjali f’ daqqa ghax f’ sitt snin li ilu il-Partit Laburista fil-Gvern kważi ma għamilx triq wahda u issa f’ sitt xhur qiegħed jipprova jagħmel dak li ma għamilx f’ sitt snin.
Dwar dak li qal il-Ministru Borg li l-“ ..il-kunsilli lokali għandhom €29 miljun mhux minsusa għad-dispożizzjoni tagħhom jistennewhom fid-Development Planning Fund u numru ta’ opportunitajiet oħrajn. Dawn fi żmien li jien kont sindku ma kienux jeżistu”. Bezzina qal li din hija gidba sfaċċata u ħoxna
Qal li l-fond tad-Development Planning Fund kien twaqqaf minn Gvernijiet Nazzjonalisti u minnu gawdew ħafna u ħafna Kunsilli madwar Malta u Għawdex u mhux minn dan il-Gvern Laburista kif qiegħed jallega il-Ministru Ian Borg.
Mhux talli hekk, talli dan il-fond kiber kif kiber ghax kif jgħidu l-Ingliżi, ‘rob Peter to pay Paul’ bil-famuzi skemi ta’ regularization li qeda tisloh lin-nies left, right and centre billi fejn qabel biex totjeni konċessjoni fejn ikollok infringement zgħir biex iddaħħal id-dawl u l-ilma jew tbiegħ propjeta kont thallas lil Planning Authority €250 biss, issa giet €4,000 jew aktar (16 il-darba aktar)
Bezzina kompla jgħid li bli skema l-oħra tal-loss of parking fejn qabel kont tħallas ftit aktar minn €1,000, issa giet tlaħħaq mad-€9,000 (disa darbiet aktar). Mela għandna Gvern illi biex joqgħod jiffanfra li għandu €29 miljun ghal kunsilli, seraqhom minn ħalq il-familji tagħna …… x’ ma togħoliex mas-sema il-valur tal-propjeta fi żmien Gvern Laburista, is-suppost Gvern tal-Haddiema
Id-Deputat Nazzjonalista qal, xi ngħidu fejn il-Ministru qal li: “Imma jiddispjaċini li meta nqassam €1 miljun jew €2 miljun kull darba jfakkruni li fadal €29 miljun għad-dispożizzjoni tal-kunsilli lokali. U nistaqsi x’qegħdin jistennew dawk is-sindki, dawk il-kunsilli lokali li għadhom ma ressqux ‘il quddiem bil-proġetti tagħhom”.
Taf x’ qed jistennew dawk is-Sindki u Kunsilli Lokali li għadhom ma ressqux il-quddiem bil-proġetti taghhom? Qed jistenew li joħroġilhom il-permess tal-Awtorita tal-Ippjanar stess biex ikunu jistgħu japplikaw għal fondi u jibbenefikaw minn dawn il-fondi
Għax ħaġa tal-iskantament, permessi għal ċertu proġetti li jkunu ser jsiru minn dan il-fond, fejn lil privat jinħariġlu il-permess fi żmien sitt xhur, li hu żmien raġonevoli, dawn il-kunsilli jdumu tliet snin jew aktar jistennew permess ghal proġett li minnu tkun ser tibbenefika l-komunita.
Fid-diskors tiegħu il-Ministru ma naqasx li jsemmi is-€700 miljun li ser jintefqu f’ toroq tul is-seba’ snin li ġejjien. Pero, kif jgħid il-Malti, faċli tiftaħar b’ rix ħaddiehor. Li ma qalx il-Ministru Ian Borg hu li dawn huma parti mill-€1,300 miljun li l-Ex Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi ġab lil pajjizna mill-EU, u li kien għall-Gvern Laburista, kieku illum aħna għandna barra mill-EU, u għalekk bqajna b’ xiber imnieħer.
Finalment il-kelliem qal li kieku kellu jibda jsemmi il-kilometri ta’ toroq li saru fi zmien Gvern Nazzjonalista ma jispicca qatt. L-egħerf mhux kemm tonfoq flus, iżda kif tonfoqhom. Għalkemm huwa tajjeb li tonfoq madwar €100 miljun fis-sena fil-bini (jew kif qiegħed isir, kisi b’ tarmak) ta’ toroq, l-aktar ħaġa mportanti li dawn jintefqu, fejn verament hemm bżonn u mhux kif ġara Ta’ Xbiex, triq li kien għadu kemm għamel il-Kunsill Lokali reġgħet inqalat wara ftit xhur.
Finalment qal Bezzina qal li la qiegħed isemmi dan il-punt, ma jistax ma jfakkarx il-martijru li ghaddew minnu kemm ir-residenti ta’ Vjal ix-Xarolla fiz-Zurrieq kif wkoll residenti oħra kemm taz-Zurrieq kif wkoll diversi residenti oħra ta’ rħula oħra tal-madwar illi kieku l-Gvern ħadem bi pjan, ix-xogħol ma kienx idum ikaxkar snin.
//= $special ?>