Għat-tielet sena konsekuttiva, l-Istitut tal-Logħob Diġitali fl-Università ta’ Malta ġie kklassifikat bħala wieħed mill-aqwa istituzzjonijiet universitarji għall-gradwati fid-dinja skont The Princeton Review. L-Istitut, li ġie kklassifikat fis-17-il post, baqa’ kontinwament itejjeb il-pożizzjoni tiegħu f’dawn il-klassifiki u huwa wieħed mill-ftit istituzzjonijiet għall-gradwati barra l-Istati Uniti li rnexxielhom jkunu f’din il-lista.
L-Istitut qiegħed kontinwament jaħdem biex itejjeb is-servizz edukattiv li joffri lill-istudenti, li jinkludu żjarat fi studios, lekċerers mistiedna addizzjonali, u aktar opportunitajiet ta’ riċerka.
Id-Direttur tal-Istitut tal-Logħob Diġitali, il-Prof. Georgios N. Yannakakis qal illi “huwa tajjeb ħafna illi qed naraw li r-riċerka fl-Istitut tal-Logħob Diġitali qed tirċievi l-attenzjoni li jistħoqqilha. Bis-saħħa ta’ ħidma ma’ atturi ewlenin fl-industrija, bħal ma huma Ubisoft, u ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka ewlenin fl-Ewropa, permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE, l-istudenti tagħna jistgħu jipprattikaw it-taħriġ tagħhom fl-Intelliġenza Artifiċjali fuq problemi sinifikattivi fid-dinja reali. Aħna istitut multi-dixxiplinarju li nedukaw studenti gradwati fil-filosofija u l-istudji umanistiċi diġitali, kif ukoll fl-intelliġenza artifiċjali u l-machine learning u naspiraw biex l-istudenti tagħna jkunu ħassieba kreattivi uniċi li jistgħu jikkontribwixxu għall-industrija tal-video gamesu r-riċerka dwar il-video games, u l-interkonnessjonijiet bejn dawn it-tnejn.”
Din is-sena il-Princeton Review għażlet l-iskejjel għal-listi tal-aqwa programmi ta’ disinn tal-logħob fuq il-bażi ta’ sondaġġ li sar fl-2018 fost amministraturi f’150 istituzzjoni li joffru korsijiet, speċjalizzazzjonijiet u lawrji fid-disinn tal-logħob. L-iskejjel mistħarrġa kienu fl-Istati Uniti, fil-Kanada u fl-Ewropa.
Dwar l-Istitut tal-Logħob Diġitali
Ix-xogħol tagħna jinsab quddiem nett fir-riċerka dwar logħob innovattiv. Nesploraw il-logħob, niskopru possibilitajiet ġodda u ġenerattivi fid-disinn tal-logħob u t-teknoloġija. Infittxu dak kollu li l-logħob jista’ jgħallimna dwarna nfusna..
It-tim akkademiku multi-dixxiplinarju tagħna huwa mifrux fuq ix-xjenza tal-kompjuter, il-letteratura, id-disinn tal-logħob, il-filosofija, l-istudji tal-midja, u x-xjenzi soċjali.
Sa mit-twaqqif tal-istitut, aħna konna involuti f’numru ta’ proġetti ta’ riċerka ffinanzjati. Flimkien, ippubblikajna ’l fuq minn 130 publikazzjoni akkademika li jinkludu diskorsi għall-konferenzi, artikli għall-ġurnali, kotba, u kapitli f’kotba.